Il-Mużew Marittimu li għandna mal-waterfront tal-Birgu jiġbor fih 7,000 sena tal-Istorja Marittima ta’ Malta li tkopri minn żmien il-Pre Istorja sal-ġurnata tal-lum. Dan il-ġojjell storiku li fih aktar minn 20,000 xogħlijiet tal-arti bħalissa huwa magħluq għall-pubbliku u r-raġuni hija li bħalissa għaddej proġett ta’ riġenerazzjoni fih. Fir-rigward talk.mt tkellem mal-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici fejn barra li spjega li b’dan il-proġett qiegħed ikompli jsir investiment xieraq lin-naħa t’isfel ta’ Malta, saħaq li bħala Gvern huma kommessi li jimmassimizzaw il-potenzjal u jirriġeneraw dan il-mużew għax “kull ġebla li tmiss miegħu għandha storja x’tirrakkonta”.
Il-Ministru Bonnici f’dettalji li ta fil-Parlament dwar xogħlijiet li għaddejjin fil-Mużew Marittimu qal li matul is-sena 2022 l-infiq fuqu kien ta’ €2,888,463.74. Din is-somma, li kważi tlaħħaq it-€3 miljuni, tinkludi nefqa kemm rikorrenti, kif ukoll kapitali u dawn ġejjin kemm minn fondi nazzjonali, kif ukoll minn fondi tan-Norveġja.
Huwa qal lil dan is-sit li, “pajjiżna huwa mogħni b’rikkezzi storiċi, kulturali u artistiċi kemm fuq l-art u anke fil-baħar. Dawn l-aħħar snin rajna diversi inizjattivi li żgur jistgħu jitqiesu bħala pass pożittiv f’din id-direzzjoni tajba. Dan il-Gvern impenjat li jkompli jwettaq inizjattivi li jħarsu l-preservazzjoni, ir-restawr u r-rijabilitazzjoni ta’ fortifikazzjoni u postijiet storiċi fuq bażi regolari, inkluż il-Mużew Marittimu”.
Estiża d-data tal-kuntratt b’sena minħabba l-pandemija
Il-Ministru Owen Bonnici qalilna li x-xogħlijiet fil-Mużew Marittimu nbdew uffiċjalment fit-30 ta’ April 2020. Il-pjan oriġinali, inkluż dak diġitali, kien mistenni li jitlesta sal-31 ta’ Diċembru tal-2022. Minkejja dan, id-data tat-tlestija min-naħa tal-kuntrattur kienet estiża għal sena minħabba l-pandemija tal-Covid-19.
Fid-dettalji li ta huwa qal li l-fażi inizjali tax-xogħlijiet ta’ restawr hija kważi lesta. Dan jinkludi xogħol ta’ restawr, tiġrif u rikostruzzjoni, kif ukoll riabilitazzjoni ta’ żoni fi stat diapilitat fuq in-naħa ta’ wara tal-Mużew. Il-fażi li jmiss se tara li jkun hemm modernizzar ġenerali bi pjan iddettaljat tal-ispazji fl-istess mużew. Għal dan ix-xogħol inħatar disinjatur rinomat biex jassisti lil Heritage Malta waqt it-tieni fażi tax-xogħlijiet. Din il-fażi se tkun implimentata l-aktar permezz ta’ fondi nazzjonali iżda mhuwiex eskluż li jinkisbu fondi Ewropej għal dan il-għan.
Il-fondi li ngħataw min-Norveġja jammontaw għal total ta’ €1,713,200 li mhux biss iffinanzjaw ix-xogħol ta’ restawr iżda wkoll biex twaqqfet sezzjoni diġitali fil-Heritage Malta u nxtara l-apparat kollu meħtieġ għad-diġitizzazzjoni tal-wirt marittimu Malti.
Ta’ attrazzjoni għalina u għal min iżurna
B’dan l-investiment, ladarba x-xogħlijiet ikunu kompluti, il-Mużew Marittimu tal-Birgu se jkun ta’ attrazzjoni kbira kemm għalina li ngħixu fil-gżira, kif ukoll għat-turisti li jżuruna.
Fost l-aktar opri tal-arti meqjusa importanti u ta’ preġju li nsibu f’dan il-mużew hemm il-pittura “Lepanto Ex-Voto” ta’ Antonello Riccio minn Messina; l-instrument “Nocturnal” li kien jgħin biex jikkalkolaw il-ħin bil-lejl skont il-pożizzjoni tal-istilel; u l-Midalja tad-Deheb 1798 li ngħatat lill-fundaturi Maltin bil-kliem “Malta Liberata” wara l-gwerra kontra r-Repubblika ta’ Franza.