Il-proġett tal-Pjazza tal-Imtarfa, immexxi mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u li ser ibiddel iż-żona fi spazju miftuħ akbar u isbaħ, issa daħal fl-aħħar fażi tiegħu b’85% tal-proġett komplut. Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia matul żjara li għamel fuq il-lant tax-xogħol, akkumpanjat mis-Sindku Dale Hayman.
Is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia qal kif dan il-proġett li qiegħed isir b’investiment ta’ €1.8 miljun ser jara din iż-żona tirdoppja fid-daqs b’275 siġra tal-ballut, arbuxelli u fjuri tal-istaġun imħawla ġodda. “Il-proġett tal-Pjazza tal-Imtarfa huwa mera ta’ dak li rridu naraw fil-qalba tal-lokalitajiet tagħna – spazji miftuħa mimlija ħajja u magħmulin min-nies għan-nies,” sostna s-segretarju parlamentari.
Huwa rrimarka li dan l-ispazju miftuħ li jlaħħaq madwar 3,100 metru kwadru ta’ art ser ikun qiegħed iservi bħala spazju miftuħ fejn il-familji jqattgħu ħin ta’ kwalità flimkien, it-tfal jilgħabu u ż-żgħażagħ jissoċjalizzaw. “Din hija l-viżjoni ta’ gvern li fuq quddiem nett tal-politika tiegħu jġib il-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi,” temm is-segretarju parlamentari.
Is-Sindku Dale Hayman spjega li permezz ta’ dan il-proġett, il-komunità tal-Imtarfa ser tkun qiegħda tgawdi minn Pjazza ikbar, isbaħ u aktar ħadranija. “Dan il-proġett ser ifisser aktar attivitajiet kulturali u soċjali għall-familji residenti fl-Imtarfa, filwaqt li fil-lokalità tagħna ser ikollna spazju miftuħ fejn dawn il-familji jistgħu jqattgħu ħin ta’ kwalità flimkien.”
Fl-aħħar xhur il-pjazza prinċipali u dik sekondarja ngħaqdu u saru spazju miftuħ wieħed flimkien billi tneħħew arkati li kienu jisseparaw iż-żewġ żoni. Il-proġett ser jara li jilħaq numru ta’ miri ambjentali u sostenibbli tant li x-xogħol li segwa kien jinvolvi f’xogħlijiet ta’ servizzi ġodda ta’ ilma inkluż restawr tal-ġibjun eżistenti li jesa’ 340 metru kubu ta’ ilma tax-xita, kif ukoll il-bini ta’ ġibjun ġdid li ser ikun jiflaħ 100 metru kubu ta’ ilma tax-xita, biż-żewġ ġibjuni jintużaw għat-tisqija tas-siġar u pjanti ġodda. Kienet installata wkoll sistema ġdida ta’ dawl intelliġenti b’konsum tal-elettriku baxx.
Fil-ġimgħat li għaddew tlesta t-tqegħid tal-pavimentar u kienu ffinalizzati l-passaġġi pedonali b’ċangaturi tal-porfido u l-lava.
L-aħħar fażi tal-proġett ser tikkonsisti fl-installazzjoni ta’ għamara ġdida li ser tkun qiegħda ssebbaħ il-post filwaqt li tagħmlu aktar aċċessibbli u ristrutturar taż-żona tal-parkeġġ fuq in-naħa ta’ Triq ir-Reġimenti Maltin, li ser tinkludi faċilità ta’ parkeġġ għal persuni b’diżabilità.