Sunday, November 24, 2024

“Ir-riħ li jaħbat mal-bini faċċata tal-knisja kien se jdur lura ġo fina”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Aktar kmieni nxterdet l-aħbar li aktar purċissjonijiet kellhom jitħassru minħabba r-riħ qawwi li ħakem il-gżejjer Maltin.

Talk.mt ħadet r-reazzjoni tas-Segretarju tal-Banda Beland taż-Żejtun Anton Aquilina li qalilna li hija għafsa kbira ta’ qalb li wara sentejn mingħajr il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, kellu jinzerta temp li ma jippermettix li ssir din is-sena wkoll.

Mistoqsi dwar x’wassal għal din id-deċiżjoni, Aquilina qalilna li meta tqis iċ-ċirkostanzi, il-vari u s-saħħa tal-personaġġi kollha li kienu lesti biex jipparteċipaw, riedu jżommu f’moħħhom li hemm riskji.

“Għandek il-vari tal-ort u dik ta’ Ġuda li fiż-Żejtun għandna tendenza li dawn ikollhom siġar kbar. Il-vara il-kbira, dawk tad-Duluri kif ukoll il-monument li huma xogħlijiet artistiċi li minbarra li jiswew eluf kbar ta’ euro għandhom wirt kulturali importantissimu għal-lokalità tagħna”, kompla Aquilina. Spjegalna li r-riħ qawwi mil-Lvant għaż-Żwieten huwa sfida li ma tagħmilx sens toħodha miegħu u tirriskja. Dan hekk kif ir-riħ qawwi li jaħbat mal-bini li hemm faċċata tal-knisja kien se jispiċċa jdur lura u jolqot b’ċertu qawwa lil dawk kollha parteċipi fil-purċissjoni. “Trid tħares l-arti li jkollok u ma tistax tisfida l-elementi tat-temp għax tkun qed tagħmel dannu lilek innsek”, qalilna Aquilina

Is-Segretarju tal-Banda Beland kompla jgħidilna li kkunsidraw kull possibbiltà u li r-rimors huwa wieħed akbar hekk kif kien hemm stennija kbira fuq livell kollettiv minħabba li fl-aħħar ġimgħat komplew jiġu rilaxxati l-miżuri li fl-aħħar sentejn ma ppermettewx li dawn il-purċissjonijiet isiru. Ma setax jonqos li għall-purċissjoni ta’ din is-sena, iż-Żwieten kienu preparati bil-kbir b’xogħol artistiku mill-aqwa biex jikkumplimenta l-purċissjoni li hija tant għal qalbhom.

Sport