Il-komunità internazzjonali fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti fl-aħħar ġiet f’sensiha u qamet għall-okkażjoni biex issa ġie rikonoxxut minn bosta pajjiżi membri l-Istat Palestinjan. Dan għamlitu imma mhux qabel twettaq ġenoċidju wara l-ieħor f’Gaża mhux biss permezz tal-bombi imma wkoll minħabba l-ġuħ.
Malta kienet fost il-pajjiżi li rrikonoxxew l-Istat Palestinjan bil-għan li l-prinċipju taż-żewġ stati – Palestinjan u Iżraelit – ikun is-soluzzjoni għall-kunflitt li jwassal għall-paċi dejjiema fil-Lvant Nofsani. Minkejja dan ir-rikonoxximent, kif stqarr il-Prim Ministru Robert Abela, it-triq mhijiex faċli imma hija iebsa u diffiċli. Sadanittant, pajjiżna mhux biss se jkompli joffri għajnuna umanitarja imma se jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu biex tinżamm ħajja din is-soluzzjoni ta’ żewġ stati.
Fil-politika barranija tagħha, Malta baqgħet konsistenti tikkundanna l-attakki terroristiċi tas-7 t’Ottubru 2023 mill-Ħamas u tenniet l-appell tagħha għall-ħelsien mingħajr kundizzjoni tal-ostaġġi kollha li għadhom miżmuma. Dan flimkien mal-appell urġenti għall-waqfien mill-ġlied b’mod immedjat u permanenti f’Gaża.
Aħna napplawdu dan l-iżvilupp li seħħ ftit jiem ilu fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għaliex nittamaw li dan se jkun il-bidu tat-tmiem tal-kalvarju tal-poplu Palestinjan. Ilu jingħad is-snin li s-soluzzjoni għall-gwerra fil-Lvant Nofsani hija dik li jkun hemm żewġ stati ugwali. Nittamaw li dan l-iżvilupp ma jiġix ostakolat.
Minn dawn il-kolonni konna diġà għedna li s-soluzzjoni ta’ żewġ stati hija t-twaqqif ta’ stat Palestinjan bla ma jiddgħajjef l-istat ta’ Iżrael. B’din hi politika realistika lejn paċi dejjiema fil-Lvant Nofsani u s-soluzzjoni tal-kunflitt li ilu għaddej għal kważi 77 sena.
Għalhekk nerġgħu ntennu s-sodisfazzjon li pajjiżna kien fost dawk li ddikjaraw ir-rikonoxximent tagħhom għat-twaqqif ta’ Stat Palestinjan. It-twaqqif u r-rikonoxximent ta’ dan l-istat minnu nnifsu diġà huwa attentat importanti lejn il-kisba ta’ paċi dejjiema.
Iżda jekk din id-dikjarazzjoni tibqa’ fuq il-karta biss u ma jsir xejn tanġibbli, speċjalment fil-bini mill-ġdid ta’ dak li tkisser bil-gwerra tul dawn l-aħħar sentejn f’Gaża, allura l-komunità internazzjonali tkun ħliet din l-okkażjoni ta’ paċi fil-Lvant Nofsani.