Friday, October 17, 2025

Ir-rikostruzzjoni ta’ Gaza stmata li tiswa 70 biljun dollari

Aqra wkoll

Waqt li eluf ta’ nies minn Gaza bdew jagħmlu l-vjaġġ lura lejn djarhom wara l-waqfien mill-ġlied li seħħ permezz tal-ewwel fażi tal-pjan għal paci f’Gaza, ħafna familji diġà jafu u huma rassenjati li djarhom kienu mkissrin u f’rovini.

Il-prospett li jerġgħu jinbnew djar, negozji u l-istituzzjonijiet u s-servizzi kollha meħtieġa għar-ritorn għall-ħajja normali f’Gaża huwa skoraġġanti minn kwalunkwe angolu tant li n-Nazzjonijiet Uniti tistma li l-ħsara li saret tul is-sentejn ta’ gwerra tammonta għal 70 biljun dollari.

Il-ħsara u d-devastazzjoni tant huma kbar li l-Professur Andreas Krieg, espert tas-sigurtà tal-Lvant Nofsani mill-King’s College ta’ Londra ddeskriva is-sitwazzjoni f’Gaza bħala li hija agħar milli tibda mill-bidu għaliex il-bidu se jkun fuq it-tifrik.

Il-livell ta’ qerda fuq l-Istrixxa ta’ Gaza issa huwa fir-reġjun ta’ 84%. F’ċerti nħawi, bħal fil-Belt ta’ Gaza, ir-rovina hija saħansitra sa 92%, skont ma qal Jaco Cilliers, ir-rappreżentant speċjali tal-Programm ta’ Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Palestinjani.

Din il-ħsara ħolqot ammonti kolossali ta’ terrapien. Valutazzjonijiet riċenti ibbażati fuq dejta bis-satellita jissuġġerixxu li jista’ jkun hemm aktar minn 60 miljun tunnellata ta’ terrapien u ġebel f’Gaza.

Il-miljuni ta’ tunnellati ta’ skart li issa jinsabu mxerrda mal-Istrixxa ta’ Gaza mhumiex biss munzelli ta’ konkrit u metall mibrum. Fihom ukoll fdalijiet ta’ vittmi umani u bombi li ma splodewx.

L-ilma nadif huwa ħtieġa immedjata ewlenija għall-abitanti ta’ Gaza. Skont stimi mill-Unicef, aktar minn 70% tas-600 faċilità tal-ilma u tas-sanità tat-territorju ġarrbu ħsara jew inqerdu minn wara s-7 ta’ Ottubru 2023.

Wara t-tħabbira reċenti ta’ waqfien mill-ġlied, suldati Iżraeljani ppużaw quddiem impjant tat-trattament tal-ilma tad-drenaġġ fil-Belt ta’ Gaza li kien inħaraq. Il-ħsara seħħet eżatt qabel ma l-militar ta’ Iżrael irtira minn pożizzjoni ħdejn din l-infrastruttura.

It-trattament tal-ilma tad-drenaġġ huwa kritiku għall-prevenzjoni tal-akkumulazzjoni tad-drenaġġ u t-tixrid tal-mard. Gaza għandha rati għoljin ta’ mard dijarrjali, li jista’ joqtol lit-tfal, u riskju ta’ kolera f’xi żoni.

Minbarra dan hemm ukoll il-problema tal-abitazzjonijiet. Matul il-gwerra, iċ-ċentru satellitari tan-NU Unosat jistma li total ta’ 282,904 dar u appartament madwar Gaza ġew imħassra jew meqruda.

Iżda dawn iċ-ċifri x’aktarx huma sottostima, għax għadhom ma jinkludux l-operazzjonijiet militari reċenti fil-Belt ta’ Gaza, bħall-qerda f’Sheikh Radwan.

Ir-rata ta’ ħsara fid-djar żdiedet sew f’nofs l-2024 – u dan jikkoinċidi mal-operazzjonijiet tal-IDF f’Rafah, li ħallew ħafna mill-belt f’rovini. Żieda sinifikanti oħra x’aktarx li seħħet bħala riżultat tal-okkupazzjoni tal-Belt ta’ Gaza.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport