Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar tinħass il-ħtieġa li l-ħaddiema jkunu mgħammra bil-ħiliet meħtieġa sabiex ikunu kapaċi jkomplu fid-dinja tax-xogħol li qiegħda tinbidel b’pass mgħaġġel ħafna.
Dwar dan diġà konna tkellimna ftit tal-ġimgħat ilu, fejn għedna li pajjiżna għadda minn trasformazzjoni sħiħa f’dik li hija teknoloġija. B’danakollu, din il-ħidma m’għandhiex tieqaf hemm għaliex il-ħiliet li jinkisbu llum jista’ jkun li ma jibqgħux rilevanti għall-ħtiġijiet ekonomiċi tal-mument. Għalhekk ikun hemm il-ħtieġa li dawn il-ħiliet ikunu aġġornati kontinwament.
Konxju ta’ dan, pajjiżna kien ħoloq il-Kunsill Nazzjonali għall-Ħiliet li issa fassal ukoll strateġija nazzjonali għall-10 snin li ġejjin – li tnediet l-Erbgħa li għadda għall-konsultazzjoni pubblika – sabiex jissaħħu l-ekosistemi tal-ħiliet f’pajjiżna bil-għan li jippreparaw lill-forza tax-xogħol tal-lum għall-isfidi tas-snin li ġejjin.
Il-ħiliet, minbarra li jgħinu biex jiġi ffaċċjat il-ġejjieni fil-qasam tax-xogħol, huma meħtieġa wkoll biex l-ekonomija tkompli tikber u tibqa’ reżiljenti mhux biss f’setturi eżistenti imma wkoll dawk li pajjiżna għad irid ikompli jattira. Waqt li aħna nifhmu l-ħtieġa urġenti li jitfasslu sistemi li permezz tagħhom jiżdiedu l-ħiliet, b’danakollu intennu li l-avvanzi fil-ħiliet m’għandhomx ikunu esklussivament għal skopijiet ekonomiċi imma għandhom ikunu mfasslin biex iservu wkoll ta’ żvilupp tal-personalità tal-individwu.
Ninsistu li dawn l-għodod li jwasslu għal titjib u l-aġġornament kontinwu tal-ħiliet, għandhom ikunu ta’ għajnuna għall-ħaddiema partikolament fil-kuntest li jwassal ukoll għal titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema. Għalhekk il-ħaddiem irid ikun imħejji tajjeb biex jilqa’ għal dak li għad irid jaffaċċja fil-post tax-xogħol tal-ġejjieni.
Nittamaw li kif ingħad fit-tnedija tal-konsultazzjoni pubblika dwar l-Istrateġija Nazzjonali tal-Ħiliet, dan ma jkunx sempliċiment eżerċizzju fuq il-karta imma jservi ta’ stedina biex il-pubbliku jirrifletti fuq kif jista’ jitgħallem, jadatta u kif jista’ jipprepara ruħu għall-futur immedjat u dak imbiegħed. F’dan il-kuntest, l-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja għandhom jibqgħu l-pedament ta’ dak li jrid ikun mgħammar bihom il-poplu fosthom il-fiduċja, ir-reżiljenza u li jaħtaf kull opportunità.
Aħna naqblu mal-inizjattiva tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ħiliet li qed jistieden lill-individwi, min iħaddem u l-komunitajiet kollha biex jipparteċipaw fit-tfassil ta’ sistema ta’ ħiliet li tappoġġja l-innovazzjoni, il-kompetittività u l-benesseri soċjali.

