Tuesday, June 17, 2025

Ir-ring jagħtini stimolu u emozzjoni li min ma kellux din l-esperjenza ma jifhimhiex – Giulia Marmara

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tieghek lejn il-kickboxing?

L-imħabba tiegħi lejn il-kickboxing bdiet meta madwar sentejn ilu kont insegwi dan l-isport fuq it-televixin. Imbaghad fis-Sajf tal-istess sena kif spiċċat l-iskola, il-papa tiegħi kien staqsa lili u lil oħti biex nidħlu f’xi tip ta’ dixxiplina tal-għażla tagħna. Din kellha tkun l-opportunitá tiegħi biex immur nitgħallem dan l-isport ġdid.

X’suċċessi maġġuri ksibt f’dan l-isport li tnat tħobb kemm fuq bażi lokali kif ukoll fix-xena internazzjonali fosthom riċentement, għalkemm għadek ta’ etá żgħira?

Jien ħadt sehem fi Gladiators f’Malta imma f’exhibition fight minħabba li nsibha diffiċli nsib avversarji fil-kategorija tieghi.  Anzi din is-sena ġietni tajba grazzi għall-Assocjazzjoni Maltija tal-Kickboxing għaliex, l-ISKA (International Sport Kickboxing Association) saret f’ Malta u stajt nieħu sehem mingħajr il-bżonn li nsiefer.

Din kienet esperjenza unika għalija b’ħafna atleti ġejjin minn diversi pajjiżi Ewropej li ġew jieħdu sehem f’Malta. Tara pajjiżi bħar-Rumanija, l-Ukrajna li jeħduha bis-serjetá ħafna. Il-fights kienu kollha ta’ livell għoli u allura kburija li talajt fuq il-podju darbtejn u rbaħt żewġ midalji tal-fidda għal Malta u għalija personali.

Minn din l-esperjenza tgħallimt ħafna u fhimt iktar il-livell u l-kwalitá li kull atleta jrid ikollu biex jagħmel suċċess. Qed inħares ‘l quddiem b’mentalitá ġdida u qed naħdem iktar biex intejjeb il-fiżika u l-ħiliet tiegħi.

Fortunata li għandi lil missieri jissapportjani ħafna minkejja li mhuwiex l-isport favorit tiegħu, imma nittrenjaw flimkien meta jmur il-gym tiegħu. Peró, jien nitħarreġ ma’ Team Noel u kuntenta hafna ma’ Master Noel Mercieca u l-kowċis kollha li jiehdu hsiebi.

Kif tqis il-livell ta’ dan l-isport f’pajjiżna?

Meta tqabbel il-livell ta’ dan l-isport f’Malta ma’ ta’ barra minn xtutna, morna tajjeb ħafna. Diversi atleti Maltin rebħu u għamlu unur lilhom u lil pajjiżna.  Ovvjament, ġaladarba dan l-isport huwa wieħed individwali, jiddependi ħafna minn kull atleta kemm jeħodha bis-serjetá. Fraħt ħafna għall-kowċ tiegħi Celeste Galea li rebħet midalja tad-deheb f’kategorija waħda u fil-ftuħ tal-attivitá ġie rikonoxxut ukoll Daniel ‘The Jet’ Zahra li ngħata tifkira għall-kisbiet uniċi li għamel matul is-snin.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-kickboxing?

Jien kuntenta ħafna b’dak li ksibt s’issa f’qasir zmien. Dan l-isport inħobbu ħafna u dħalt fih mill-ewwel. Bħalissa qiegħda f’livell ta’ ċintorin blu imma nixtieq li nibqa’ tiela’ sa black belt 5.

Fl-istess waqt, nixtieq li nieħu sehem f’iktar fights għaliex nemmen li wara dak it-taħriġ kollu, ir-ring jagħtini l-opportunitá li noħroġ dak kollu li nkun tgħallimt. Ir-ring jagħtini stimolu u emozzjoni li min ma kellux din l-esperjenza ma jifhimhiex!

Għaddi messaġġ finali speċjalment lil bniet bħalek li jixtiequ jibdew jipprattikaw il-kickboxing.

Il-messaġġ tiegħi huwa li qatt m\għandek taqta’ qalbek u meta titlef isservi bħala kejl li għandek tipprattika iktar u titgħallem mill-ħażin.

Dan l-isport huwa għal kulhadd, subien u bniet. Huwa sport sabiħ li jgħinek tkun attiv u fit. Imbagħad jiddependi mill-individwu biex jiddeċiedi l-livell tiegħu. Għalkemm dan l-isport huwa wieħed ‘tough’, fl-istess ħin huwa arti fejn tapprezza l-kapaċitá li ġisimna jista’ jagħmel!

Inħeġġeġ lil bniet oħra bħali sabiex jibdew jitħarrġu u dawk li ġieli ħasbuha imma qatgħu qalbhom, j’Alla nkun ta’ ispirazzjoni għalihom u jagħmlu l-ewwel pass!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport