Il-każ li seħħ fil-bidu ta’ din il-ġimgħa, fejn żewġ studenti mill-Ekwador ħebbew għal uffiċċjal tal-Pulzija talli waqqafhom milli jserrħu fuq karozza tal-Pulizija, hija turija ċara ta’ kemm xi kultant il-forzi tal-ordni jsibu ruħhom f’ċirkustanzi diffiċli u perikolużi.
Għalkemm matul dawn l-aħħar snin ittieħdu miżuri li żiedu l-protezzjoni tal-membri tal-pulizija bħal l-introduzzjoni tal-body cams, madankollu jeħtieġ illi l-protezzjoni tal-membri tal-Korp tissaħħaħ anke permezz ta’ pieni aktar ħorox mill-Qrati Maltin li jingħataw f’każi bħal dawn. Nemmnu li s-sentenzi sospiżi mhumiex biżżejjed u mhumiex iservu ta’ deterrent.
Aktar miżuri f’din id-direzzjoni jwasslu biex jikber id-detterent għal min b’xi mod jaħseb li hu ‘l fuq mil-liġi jew jazzarda li jista’ jattakka uffiċjali tal-Korp. Każi ta’ aggressjoni fuq il-pulizija li ma jiġux indirizzati jistgħu jnaffru lin-nies milli jfittxu mpjieg fil-Korp tal-Pulizija.
U huwa propju għalhekk l-importanza li jkun hemm aktar rispett lejn il-pulizija fil-qadi ta’ dmirijiethom lejn is-soċjeta
Huwa floku wkoll dak li dejjem tisħaq il-General Workers’ Union illi minkejja kull intenzjoni tajba, u minkejja r-regolamenti u kampanji għall-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà u r-rispett lejn xulxin, għad fadal ferm aktar xi jsir. M’huwiex xi privileġġ li ħaddiem, hu fejn hu, joħroġ jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum u jirritorna lura d-dar qawwi u sħiħ.
F’dan il-kuntest, nibqgħu ninsistu li sitwazzjonijiet ta’ vjolenza fuq ħaddiema m’ħandhomx ikunu tollerati u jeħtieġ li s-soċjeta tkun iktar ħarxa ma dawk li jirrikorru għall-vjolenza, speċjalment fuq persuni responsabbli miż-żamma tal-ordni f’pajjiżna. Dan irridu nagħmluh jekk verament irridu li pajjiżna jeħles minn sitwazzjonijiet ta’ aggressjoni.
Irridu napprezzaw li x-xogħol tal-pulizija, bħall-forzi tal-ordni l-oħra kollha, mhuwiex xogħol faċli anzi huwa skabruż, delikat u xi kultant iwettquh anke b’sogru għal ħajjithom u saħħithom.
Fuq kollox ir-rikonoxximent lejn il-Forzi tal-Ordni m’għandux ikun rifless biss fl-investiment qawwi u kontinwu li l-Gvern qed jagħmel biex dawn ikunu mgħammra aħjar u jkollhom kundizzjonijiet tajbin tax-xogħol biex iwettqu dmirhom bl-aħjar mod possibbli imma wkoll minn imġieba ċivili tas-soċjeta.
Dan għandu jkun anki jekk is-soċjetà tagħna llum hija waħda multikulturali bl-influss ta’ barranin fostna. Min qiegħed jew jiġi f’pajjiżna għandu joqgħod daqs kull Malti għad-dixxiplina tal-liġijiet ta’ pajjiżna.