Saturday, May 4, 2024

IR-RISPETT LEJN IL-PAJJIŻ JIĠI QABEL L-INTERESS PARTIĠĠJAN

Aqra wkoll

Il-Parlament Ewropew f’ċerimonja li għamel nhar l-Erbgħa fakkar l-20 anniversarju minn meta l-akbar grupp ta’ pajjiżi, inkluż Malta, saru stati membri tal-Unjoni Ewropea. Għal din iċ-ċerimonja attendew eks Prim Ministri u eks Presidenti li kienu qed iservu fil-perjodu ta’ meta pajjiżhom issieħeb fl-UE.

Kien hemm preżenti wkoll l-eks Prim Ministru Dr Lawrence Gonzi li kien il-Prim Ministru meta pajjiżna 20 sena ilu għamel dan il-pass ta’ sħubija fl-UE. Sa hawnhekk kollox sew. Kif kien ukoll kollox sew meta aħna minn dawn il-kolonni fraħna u awgurajna lil Roberta Metsola fl-ewwel ġurnata stess tal-ħatra tagħha bħala President tal-Parlament Ewropew. Dakinhar konna għedna li l-ħatra ta’ Metsola għamlet unur lil pajjiżna iżda ma bsarna qatt li xi darba se tasal biex tiddisprezza lill-Prim Ministru ta’ pajjiżha stess.

Sitwazzjoni bħal din aħna mhux biss inqisuha assurda imma narawha wkoll bħala nuqqas gravi ta’ rispett lejn il-Prim Ministru elett demokratikament f’elezzjoni ġenerali. Mhux biss. Imma wkoll li l-poplu Malti kollu huwa ppersonifikat fil-Prim Ministru ta’ pajjiżna. Qed ngħidu dan fil-kuntest li waqt iċ-ċerimonja sostniet li l-Prim Ministru tagħha huwa Dr Lawrence Gonzi. Meta dan mhux biss mhuwiex il-Prim Ministru ta’ Malta imma ilu snin maqtugħ mix-xena politika ta’ pajjiżna.
Konna nemmnu ġenwinament li Metsola bħala President tal-Parlament Ewropewm taqbel jew ma taqbilx mal-politika tal-Gvern attwali Laburista, kienet għallinqas se tirrikonoxxi l-persuna tal-Prim Ministru anke jekk mhux ġej mill-partit tagħha stess. Dan iżda fil-fehma tagħna m’għamlitux. Roberta Metsola għandha tiftakar illi barra li tħares l-interessi tal-Parlament Ewropew, għax hekk hu xieraq bħala President, m’għandhiex tinsa li hija Maltija u fil-PE qed tirrappreżenta għadd sostanzjali tal-popolazzjoni Maltija.

Din ma kinitx l-ewwel darba li Metsola aġixxiet bil-mod kif aġixxiet nhar l-Erbgħa fil-PE. Għadna niftakru meta waqt laqgħa f’Kastilja kienet irrifjutat quddiem kulħadd milli tieħu b’id il-Prim Ministru ta’ dakinhar, Dr Joseph Muscat. Aġir ta’ din ix-xorta żgur li mhux apprezzat mill-maġġoranza tal-poplu Malti u Għawdxi. Għax nemmnu li hemm anke nazzjonalisti ġenwini li jħobbu lill-pajjiż u jġibuh l-ewwel u qabel kollox. Għaldaqstant ma nistennewx la minn Metsola u minn ebda membru parlamentari ewropew ieħor li jġib l-interess u r-rispett lejn pajjiżu sekondarju għal interessi partiġġjani.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport