L-istandards doppji tal-Ewropa u tal-Punent dwar il-gwerer fl-Ukrajna u f’Gaża jheddu li jdgħajfu l-pożizzjoni globali Ewropea, wissa l-prim ministru Spanjol, Pedro Sánchez, filwaqt li ddeskriva r-rispons għall-attakk ta’ Iżrael fuq it-territorju Palestinjan bħala wieħed mill-aktar episodji mudlama tar-relazzjonijiet internazzjonali fis-seklu 21.
F’intervista mal-ġurnal The Guardian qabel taħditiet mal-prim ministru tar-Renju Unit, Keir Starmer, f’Londra l-bieraħ, il-mexxej soċjalista qal ukoll li l-Istati Uniti taħt Donald Trump kienet qed tipprova ttemm l-ordni globali bbażata fuq ir-regoli ta’ wara t-tieni gwerra dinjija.
Huwa ddefenda l-benefiċċji tal-immigrazzjoni u waħħal fil-partiti tradizzjonali tal-lemin talli kisru l-kunsens dwar ir-rispons għall-emerġenza klimatika billi kkupjaw il-politiki tar-rivali populisti tagħhom.
Pedro Sánchez – l-ewwel mexxej Ewropew ta’ kalibru li akkuża lil Iżrael b’ġenoċidju f’Gaża – qal li kien kuntent li pajjiżi Ewropej oħra kienu qed isegwu l-eżempju ta’ Spanja fir-rikonoxximent ta’ stat Palestinjan, iżda ammetta li r-rispons tal-Ewropa kien wieħed fqir għall-kollox.
“Huwa assolutament falliment,” qal. “Hija wkoll ir-realtà li fi ħdan l-Unjoni Ewropea, hemm pajjiżi li huma maqsumin fir-rigward ta’ kif jinfluwenzaw lil Iżrael”. Iżda fl-opinjoni tiegħu, Sanchez qal li “dan mhux aċċettabbli jekk irridu nżidu l-kredibilità tagħna fir-rigward ta’ kriżijiet oħra, bħal dik fl-Ukrajna”.
Sanchez argumenta li l-għeruq ta’ dawn il-gwerer huma kompletament differenti iżda, fl-aħħar mill-aħħar, id-dinja qed tħares lejn l-Unjoni Ewropea u wkoll lejn is-soċjetà tal-Punent u tistaqsi għaliex qed ikun hemm standards doppji fir-rigward tal-Ukrajna u fir-rigward ta’ Gaza.
Meta tkellem dwar kif jipprova jafferma ruħu mill-ġdid fuq ix-xena internazzjonali u jmur lil hinn minn sensiela ta’ allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni li ħakmu l-amministrazzjoni tiegħu u kebbsu sejħiet għal elezzjoni ġenerali bikrija fi Spanja, Sánchez qal li kien qed iħeġġeġ lill-Ewropa biex tagħmel aktar, inkluż li tikkastiga lil Iżrael finanzjarjament u f’dan ir-rigward Spanja kienet vokali ħafna fl-UE u wkoll fil-komunità internazzjonali.
Sanchez, li kkonfronta lil Donald Trump dwar ir-rifjut ta’ Spanja li tissodisfa t-talbiet tal-president tal-Istati Uniti li jonfoq 5% tal-PDG fuq id-difiża, qal li Spanja kienet sieħeb affidabbli fin-NATO. Huwa stqarr li kien impenjat li jippriserva l-aqwa relazzjoni mal-Istati Uniti, irrispettivament minn min ikun fil-White House u minkejja l-azzjonijiet iżolazzjonisti ta’ Trump.
Il-laqgħa tal-bieraħ f’Londra kienet l-ewwel summit bilaterali sinifikanti bejn il-mexxejja taż-żewġ pajjiżi f’aktar minn għaxar snin. Dan kien possibbli permezz ta’ ftehim bejn ir-Renju Unit u Spanja dwar il-futur ta’ Ġbiltà, li jtemm it-tilwima li ilha għaddejja dwar it-territorju minn wara l-Brexit u jiffaċilita l-moviment tan-nies u l-merkanzija minn naħa għall-oħra tal-fruntiera.