Friday, November 15, 2024

“Ir-ristoranti għandhom jiffukaw fuq il-valur tal-esperjenza li jipprovdu”

L-analista finanzjarju Steve Ellul jissuġġerixxi ż-'0 Km Concept' fejn stabbilment joffri prodotti tar-reġjun

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-preżenza tal-istakeholders li attendew għad-diskussjoni dwar is-settur tal-catering tikkonferma ir-reżiljenza ta’ dan is-settur quddiem l-isfidi kbar li kontinwament qiegħed ikollu jaffaċċja. Teżisti għajnuna f’pajjiżna li ristoranti f’pajjiżi oħrajn m’għandhomx, fost l-oħrajn fejn jidħol il-prezz tal-enerġija, iżda jeħtieġ li niffukaw fuq il-kwalità ta’ dak li pajjiżna joffri biex dawk kollha li jidħlu fir-ristoranti fil-pajjiż, minn Maltin sa turisti, joħorġu u anke jħallu pajjiżna b’sodisfazzjon ta’ valur għal kull ewro li jkunu nefqu. 

Qal dan l-analista finanzjarju Steve Ellul waqt diskussjoni bejn numru ta’ stakeholders fl-industrija tal-catering. Ellul qal li l-fatt li l-maġġoranaza tal-istabbilimenti qegħdin jiddiskutu dwar it-triq ’il quddiem wara sentejn ta’ daqqiet li ma affettwawx l-istess lil kull stabbiliment, iżda li ċertament kellhom impatt fuq kulħadd, tfisser ħafna. 

Rigward l-isfidi maġġuri, Ellul tkellem dwar ir-riżorsa umana, il-kwalitajiet tal-ħaddiema u żidiet fil-prezzijiet ta’ ċertu prodotti, b’uħud minnhom li ma tantx hemm wisq xi jsir dwarhom. Filwaqt li fost l-oħrajn l-istabbilimenti tagħna għandhom biex ngħidu hekk ċertu lussu b’issussidjar fil-prezz tal-enerġija, l-inflazzjoni ta’ kważi 14 fil-mija fuq prodotti tal-ikel u xorb hija xi ħaġa li ftit hemm x’tagħmel dwarha biex tibqa’ tikkompeti. Fakkar li pajjiż ġar tagħna bħalma huwa l-Italja, għandek ristoranti, rinomati, bi storja ta’ servizz li qegħdin jogħtru minħabba spejjeż mhux sostenibbli bħalma huma l-kontijiet tal-enerġija biex joperaw. 

L-analista finanzjarju tkellem dwar it-triq ’il quddiem u qasam ma’ dawk preżenti proposti li fl-opinjoni tiegħu jistgħu jagħtu spinta lill-istabbilimenti li jagħżlu li jinvestu fil-futur tagħhom. Saħaq dwar il-kunċett tal-produzzjoni tar-reġjun magħruf bħala ‘0 Kilometre Concept’ fejn il-klijent jaf li se jidħol f’post fejn mhuwiex se jingħata l-menu tradizzjonali, jew tal-inqas ma jkunx l-iktar ħaġa li jkun qiegħed jistenna. Iżda minflok ikun ħerqan biex jara x’hemm offrut lilu bħala prodotti li jkunu ġejjin mir-reġjun stess u li jista’ jqis bħala garanzija ta’ produzzjoni friska u li għalhekk ikun lest li jħallas il-prezz xieraq għal dak li jkun qiegħed jistenna li jirċievi. 

Tkellem ukoll dwar il-valur offrut għall-ispiża u li b’investiment f’dan il-kunċett, is-sidien jirnexxielhom jieħdu lill-klijenti fuq binarju li jmur lil hinn mill-kont li jkunu se jirċievu fl-aħħar tal-esperjenza tagħhom, iżda s-sodisfazzjon li jirritornaw minħabba servizz effiċjenti li jibda minn qabel dak li jkun jibbukkja sal-mument li jħalli l-mejda, jew saħansitra pajjiżna. 

Rigward in-nuqqas ta’ riżorsa umana, huwa qal li lkoll ninsabu konxji dwar din l-isfida u hemm bżonn li biex inżommu l-kompetittività ninvestu fit-titjib tal-ħiliet anke fuq livelli differenti bejn dawk li jiġu biex jaħdmu f’pajjiżna għal perjodu qasir u dawk li jagħżlu li jirrilokaw f’pajjiżna. Dan it-titjib jista’ jwassal għal f’iktar qligħ li jista’ jitqassam aħjar anke billi jingħata salarju li jirrifletti l-isforz ta’ dawk l-istess persuni li jwasslu s-servizz.

Fl-għeluq tad-diskors tiegħu l-analista finanzjarju qal li l-konsultazzjoni li saret fl-aħħar xhur kienet kruċjali biex ingħelbu ċertu sfidi. Filwaqt li saħaq dwar l-aggressività tal-kompetizzjoni li tmur lil hinn minn dik lokali, Ellul saħaq dwar l-irwol importanti li kellha l-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering f’din il-ħidma, anke b’persuni li baqgħu ipoġġu l-interess kollettiv qabel l-interessi personali tagħhom.

Ekonomija

Sport