Saturday, August 16, 2025

IR-RIVOLUZZJONI MESSIKANA 1910

minn Alfred Consiglio

Aqra wkoll

Ir-Rivoluzzjoni Messikana seħħet minħabba nuqqas ta’ ftehim fost il-poplu Messikan rigward id-dittatorjat ta’ Porfirio Diaz (1830-1915), li dam fil-poter għal 31 sena.  Matul dawn is-snin, il-poter kien ikkonċentrat f’idejn ftit magħżula.  Il-poplu ma kellu ebda setgħa biex jesprimi l-opinjonijiet tiegħu jew jagħżel l-uffiċjali pubbliċi.  L-inġustizzji kienu bla rażan.

Fil-bidu tas-seklu għoxrin, ġenerazzjoni ta’ żgħażagħ riedu li jipparteċipaw fil-politika iżda kienu mċaħħdin l-opportunità mill-uffiċjali li ġa kienu rabbew l-għeruq u ma kienux lesti li jitilqgħu l-poter minn idejhom.  Dan il-grupp ta’ żgħażagħ emmnu li setghu jwettqu sehem xieraq fil-politika Messikana hekk kif Diaz iħabbar li l-pajjiż kien lest għad-demokrazija.  Għalkemm il-Kostituzzjoni kienet tgħid li għandhom isiru elezzjonijiet, Diaz uża r-riżorsi politiċi u ekonomiċi biex jibqa fis-setgħa.

Francisco Madero (1873-1913) kien wieħed minn dawk li ħass li Diaz għandu jitlaq.  Flimkien ma’ żgħażagħ oħrajn, huwa stabbilixxa l-Partit Anti-Reelectionista.  Madero kien jemmen qatigħ fid-demokrazija u li l-gvern ikun suġġett lejn il-liġi.  Huwa sar theddida għal Diaz.

 Ftit qabel l-elezzjoni tal-1910, Madero ġie arrestat f’Monterrey.  Huwa ħarab lejn l-Istati Uniti tal-Amerika f’Ottubru 1910.  Fl-eżilju huwa ħareġ il-“Plan ta’ San Luis”, manifest li ddikjara li l-elezzjonijiet kienu ntrebħu b’qerq, u li huwa ma kienx sa jagħraf lil Diaz.

Madero ddikjara lilu President temporanju sakemm isiru elezzjonijiet ġodda.  Huwa wiegħed li jagħti lura l-artijiet kollha li kienu kkonfiskati minn għand il-bdiewa.  Huwa sejjaħ għal irvell fl-20 ta’ Novembru 1910 li mmarka l-bidu tar-Rivoluzzjoni Messikana.

 Fl-14 ta’ Novembru, f’Cuchillo Parado fl-istat ta’ Chihuahua, Toribio Ortega (1870-1916) u grupp żgħir ta’ segwaċi qabdu l-armi.  Fit-18 tax-xahar l-awtoritajiet arrestaw u qatlu lil Aquiles Serdán (1876-1910) u lil ħuh Maximo talli kienu qed jikkonfoffaw biex iqanqlu rvell.  Madero pperswada lil Pascual Orozco (1882-1915) u lil Francisco “Pancho” Villa (1878-1923) biex jingħaqdu mar-rivoluzzjoni.  Dawn it-tnejn taw prova li kienu strateġisti eċċellenti.

F’Marzu 1911, Emiliano Zapata (1879-1919) mexxa l-irvell tal-bdiewa ta’ Morelos.  Fl-istess ħin, irvellijiet bdew f’inħawi oħrajn tal-pajjiż.  It-truppi Maderisti għelbu l-armata ta’ Diaz fi żmien sitt xhur.  Ir-rebħa deċiżiva tar-rivoluzzjoni kienet il-qbid ta’ Ciudad Juarez.  Diaz irriżenja minn President u ħarab lejn Franza fejn miet fl-1915.

Il-Kungress Messikan eleġġa lil Francesco León de la Barra (1863-1939) bħala President temporanju, u sejjaħ għal elezzjonijiet ġodda.  Francisco Madero nħatar President.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport