Friday, November 15, 2024

“Ir-riżultat inessina t-tbatija kbira u jagħmilna kburin bil-kapaċitajiet tad-dilettanti Maltin”

Jiċċara dwar il-fatt li nbidlu ħafna affarijiet li tejbu s-sigurtà fil-ħidma tal-piroteknika Maltija

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Għalina li tiġi t-tielet minn fost dawk kollha li pparteċipaw u l-ewwel minn fost il-kmamar tan-nar lokali huwa unur kbir. Barra minn hekk ġejna biss seba’ punti bogħod mir-rebbieħa li tajjeb li nsemmu li għalihom dan mhuwiex delizzju, iżda l-professjoni tagħhom.” Hekk beda biex jikkummenta ma’ Talk.mt Roosevelt Psaila li huwa Licensee Tal-Kamra tan-Nar tal-Banda Santa Andrija Luqa.

F’intervista wara dan ir-riżultat prestiġjuż fil-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar, Psaila kompla biex jgħidilna li kienet esperjenza sabiħa ħafna hekk kif ilbieraħ ġew ippreżentati bit-trofew mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo nnifsu fil-Port il-Kbir. Proprju dagħlodu ppreżentaw l-istess trofew lill-każin u dan inessihom l-ispejjeż kbar u t-tbatija kollha involuta wara spettaklu daqstant importanti għall-kultura Maltija.

Ritratti: D.S Photography

Bħala preparament jibdew minn Settembru meta jibda jitħallat ix-xogħol. Spjegalna li jibda jinxtara l-materjal biex jibda t-tfassil għal festival bħalma kien dan li assistejna għalih fl-aħħar jiem. Kompla biex jgħidilna li dan bħal meta għandek dulċier jaħdem il-kejk u jrid jipprepara l-ingredjenti kollha biex jipproduċi l-aħjar kejk. Qalilna wkoll dwar il-korjografija u kif t-tim wara dan is-show ikun maqsum bejn dawk li jaħdmu n-nar u oħrajn li jieħdu ħsieb it-tfassil b’sinkronizzazzjoni mal-mużika. Għalkemm ikollok kollox imfassal anke programmat fuq il-kompjuter, hija meħtieġa attenzjoni u preċiżjoni kbira dakinhar tas-show hekk kif mossa ħażina tista’ tisfuma fix-xejn ħidma tant delikata.

Huwa kellu kliem ta’ tifħir għall-mod ta’ kif kien ippjanat dan il-festival u rringrazzja lill-awtoritajiet għall-għajnuna finanzjarja mogħtija lil kull parteċipant biex il-livell ta’ dan il-festival seta’ jitgawda mill-eluf li segwewh.

Il-ħidma issa tkompli għax-xogħol tal-festa li se tkun qiegħda tinkludi show PYROSTARS iddedikat lill-patrun tal-istess Kamra ta’ Sant Andrija. Dan ix-xogħol se jkun jista’ jiġi apprezzat minn dawk kollha li se jattendu għall-festa fl-ewwel ġimgħa ta’ Lulju.

Fil-messaġġ aħħari tiegħu, Psaila appella lil dawk kollha li huma attirati minn dan ix-xogħol biex ma jibżgħux jersqu biex jagħtu l-kontribut tagħhom fit-tiġdid tal-kultura artistika Maltija. “Dan id-delizzju sfortunatament huwa mdarras minn ħafna minħabba diżgrazzji tal-passat. Ma nistgħux inħarsu lejn it-tazza bħala nofsa vojta anke minħabba li fl-aħħar snin saru tibdiliet kbar f’dan il-qasam. Mhux biss ġew introdotti riċetti ġodda imma anke żdiedu l-ispezzjonijiet ta’ sigurtà fost miżuri oħra ta’ prekawzjoni. Barra minn hekk, is-sodisfazzjon ta’ wirjiet bħal dawk li offrejna fl-aħħar jiem huma indeskrivibbli u tajjeb infakkru wkoll li fil-Kmamar kollha madwar il-pajjiż hawn ħafna żgħażagħ li bis-saħħa tal-ħidma tagħhom fil-kmamar, tbegħdu minn vizzji koroh u llum huma parti mit-tiġdid ta’ din il-kultura tagħna li tant tagħmilna kburin”, temm jgħidilna Psaila.

Ekonomija

Sport