Tuesday, April 8, 2025

‘Ir-rota hija waħda mill-isbaħ affarijiet li għandi f’ħajti … Mingħajrha nħossni mitluf … tagħtini gost kbir’ – Luke Borg

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn iċ-ċikliżmu?

Bdejt insuq ir-rota bħala mezz ta’ trasport. Għamilt għaxar snin nitħarreg fil-karate u anke lħaqt il-‘black belt’. Ta’ 14-il sena bdejt immur għat-taħriġ tal-karate bir-rota minflok ma jwassluni l-ġenituri. Malajr sirt inħobb ir-rota iktar mit-taħriġ tal-karate, u ta’ 16-il sena ddeċidejt li nieqaf mill-karate. Għall-ewwel ir-rota ma kellix ħsieb li nittrenja jew intellaq biha, imma bejn xi familjari u ħbieb li kienu jittrenjaw bir-rota kont dħalt għal tellieqa li kienet issir fil-bypass ta’ San Pawl il-Baħat fil-kategorija ‘open’ u rbaħtha. Wara t-tellieqa avviċinawni xi klabbs lokali u nktibt mal-klabb ‘The Cyclist’ fl-2018. 

X’suċċessi ksibt fil-karriera tiegħek sa issa f’dan l-isport li tant tħobb?

L-iktar suċċessi għal qalbi huma li sirt Champion Nazzjonali tal-cross country sentejn wara xulxin – 2023 u 2024. Din is-sena rbaħt ukoll iċ-Cisk 0.0 points Cup li jiġi organizzat mill-Malta Mountainbike Association.

Apparti hekk ħadt sehem ukoll fil-Kampjonat Ewropew tar-road u time trial fl-2022, kif ukoll fil-Kampjonati tad-Dinja tat-time trial u cross country fl-2023.

Kif tqis il-livell taċ-ċikliżmu f’pajjiżna fil-preżent?

Bħala livell qegħdin naqra lura mhux ħażin. F’sens ta’ kompetizzjonijiet barra minn xtutna, bħalissa nqisu s-suċċessi tagħna mhux f’liema pożizzjoni ġejna, peró b’kemm irnexxielna nagħmlu laps mit-tellieqa qabel ma jwaqqfuna. Peró, ikolli ngħid illi b’kuntrast mal-livell li kien hemm fil-ġenerazzjoni ta’ qabli, bilmod il-mod qegħdin nitjiebu. Dan dejjem nibqgħu naħdmu biex jekk xejn, min imissu ikun atleta floki għada pitgħada isib dejjem aħjar milli sibt jiena.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom?

Bħala riżorsi tista’ tgħid li m’għandna xejn. Minn naħa finanzjarja, ir-rota hija sport li jirrikjedi ħafna flus. Għandi xorti kbira li għandi ċerti sponsors u familjari jgħinuni ħafna wkoll. Peró qatt mhu biżżejjed. Ġieli jkolli nagħżel bejn jekk nitlax intellaq barra minn xtutna jew nixtri xi parts għall-manutenzjoni tar-rota. Deċiżjoni diffiċli, speċjalment bħala student. Inqatta’ kważi 20 siegħa fil-ġimgħa fuq ir-rota, jiġi l-istess bħall-part-time job. B’hekk apparti stipendju u xi ftit xogħlijiet li jkolli ‘l hemm u ‘l hawn, tkun diffiċli biex nipprattika l-isport tiegħi.

Riżorsi fiżiċi wkoll neqsin ħafna. B’kuntrast ma’ sports oħrajn fejn ikollhom post dedikat għat-taħriġ, fiċ-ċikliżmu tista’ tgħid li m’għandna xejn. It-taħriġ ikollu jsir kollu barra, fit- toroq mal-karozzi jew fit-trails pubbliċi. Bħala membru eżekuttiv tal-Malta Mountainbike Association, insibuha diffiċli ħafna biex nagħmlu tlielaq tal-offroad, wisq iktar tlielaq li jkunu tal-istess livell li nsibu barra minn pajjiżna fis-sens ta’ teknika. Malta hi li hi, u t- terran huwa differenti minn dak li nisbu fl-Italja jew Franza. Peró, barra minn Malta nitkellmu ma’ ħafna nies fejn eżempju; kunsilli lokali jagħtu art lill-klabb jew federazzjoni biex tinbidel f’korsa tar-roti.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek f’dan l-isport?

Il-karriera ta’ atleta hija waħda pjuttost qasira. Ta’ 22 sena diġá qed inħares lejn il-futur, u waqt li nitħarreġ personalment biex inkun kompetittiv kemm jista’ jkun, dejjem naħseb għaż-żgħar li għad ikunu f’posti. Eventwalment nixtieq illi nkun f’pożizzjoni biex mill-esperjenza tiegħi ta’ atleta inkun nista’ naħdem għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Bħalma sibt jien aħjar minn ta’ qabli, nixtieq li ta’ warajja jerġgħu isibu aħjar milli sibt jien!

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika ċ-ċikliżmu.

Ir-rota hija waħda mill-isbaħ affarijiet li għandi f’ħajti. Nista’ ngħid li jien ‘addicted’ għaliha. Mingħajrha nħossni mitluf. Tagħtini gost kbir, ħaditni f’ħafna postijiet mad- dinja, għamilt ħbieb ġodda, esperjenzi, kif ukoll xi xogħlijiet. Ir-rota hija sport sabiħ ħafna u m’għandekx għalfejn tkun ittellaq jew tieħu sehem fil-kompetizzjonijiet biex tieħu gost. Anke sempliċiment dawra nhar ta’ Ħadd jaf isservi ta’ esperjenzja sabiħa ħafna. 

Fl-aħħar mill-aħħar jiena uman bħal kulħadd. Jiddispjaċini ħafna meta ġieli jkolli xi nies li għax ikunu ġo karozza iħosshom intitolati iktar minni għat-triq. Tgħajjir, ‘near misses’ u ġieli anke jhedduk li ħa jolqtuk – dan kollu għax qiegħed fuq rota. Kelli esperjenza meta kont żgħir li persuna ħadet brake apposta fuqi biex ‘tgħallimni lezzjoni’. Kemm jista’ jkun inżommu r-rispett lejn xulxin. Kieku nista’ qiegħed fl-Alpi tal-Italja neħodha, peró, Malta hija d-dar tiegħi u jkolli nittrenja hawnekk. Kulħadd għandu familja fejn irid imur lura. Ir-rispett jiswa ħafna, speċjalment li nkun vulnerabbli ħafna billi ma jkolli xejn jipproteġini.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport