Tuesday, December 24, 2024

Ir-rotot diretti tal-proġett tal-Luqa Junction miftuħin

IM qed tiffoka fuq it-tlestija tal-mina ta’ 60 metru

Aqra wkoll

Hekk kif ilbieraħ infetħet it-triq li tgħaqqad lil Ħal Luqa u Ħal Qormi, it-toroq madwar il-proġett tal-Luqa Junction u l-proġett tal-Kirkop Tunnels and Airport Intersection (KTAIP) issa huma aċċessibbli fid-direzzjoni permanenti tagħhom.
Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia, waqt żjara li għamel fuq il-post.

Permezz tal-proġett tal-Luqa Junction, ġew maħluqa żewġ korsiji bla interruzzjoni minn Vjal l-Avjazzjoni lejn Triq il-Kunsill Tal-Ewropa (il-Gudja/l-Ajruport/il-Mini ta’ Ħal Far/Ħal Kirkop lejn il-Belt Valletta/il- Marsa/Santa Luċija/Ħal Tarxien), żewġ korsiji mingħajr interruzzjoni minn Triq il-Kunsill tal-Ewropa lejn Vjal l-Avjazzjoni (il-Belt Valletta/l-Marsa/Santa Luċija/Ħal Tarxien lejn il-Gudja/l-Ajruport/Ħal Far/il-Mini ta’ Ħal Kirkop), rotta kontinwa minn Vjal l-Avjazzjoni lejn Ħal Qormi (il-Gudja/l-Ajruport/Ħal Far/il-Mini ta’ Ħal Kirkop lejn Ħal Qormi/Ħal Luqa/Ħaż-Żebbuġ), flimkien ma’ flyover ta’ karreġġata waħda li tgħaqqad Triq San Tumas u Triq il-Kunsill tal-Ewropa ma’ Vjal l-Avjazzjoni u l-KTAIP, u mina ta’ 60 metru.

Il-Ministru Aaron Farrugia enfasizza l-importanza ta’ dan il-proġett biex jiġi żgurat fluss kontinwu tat-traffiku f’din iż-żona kritika għall-pajjiż. “Dan il-proġett se jkompli jeleva l-infrastruttura ewlenija ta’ Malta għal-livell li jmiss. Proġett li se jħejji lil pajjiżna għall-isfidi infrastrutturali preżenti u dawk futuri. Issa li r-rotot permanenti nfetħu, se nkunu qed naqilbu l-attenzjoni tagħna għall-aħħar parti ta’ dan il-proġett, li titlesta l-mina l-ġdida,” temm jgħid il-Ministru Farrugia.

Infrastructure Malta (IM) issa se tiffoka fuq it-tlestija tal-mina l-ġdida b’tul ta’ 60 metru, hekk kif ix-xogħlijiet kollha ta’ tħaffir huma lesti. L-aġenzija bħalissa qed tifforma l-istruttura tal-azzar u r-rampa ħdejn il-konnessjoni ta’ Ħal Luqa u Ħal Qormi fejn se jkun ukoll qed jerfa’ f’posthom il-pannelli tal-konkos biex dawn jiffurmaw il- ħitan tal-mina. Din il-mina se tgħaqqad il-karreġġjata lejn il-punent ta’ Triq il-Kunsill tal-Ewropa mal- karreġġjata lejn it-tramuntana ta’ Triq San Tumas, li toffri konnessjoni diretta u bla interruzzjoni minn Santa Luċija u l-Marsa lejn Ħal Luqa u Ħal Qormi, u mingħajr ma taqsam minn ġo traffiku minn destinazzjonijiet oħra fl-istess direzzjoni.

IM se ssebbaħ il-proġett b’siġar u b’arbuxelli ġodda, filwaqt li se tiżviluppa spazju miftuħ ġdid ta’ rikreazzjoni b’aċċess faċli għall-mixi miċ-ċentru ta’ Ħal Luqa.
Il-proġett tal-Luqa Junction huwa investiment ta’ €11-il miljun biex jissostitwixxi r-roundabout prinċipali ta’ din il-lokalità b’junction f’diversi livelli li jiffaċilita konnessjonijiet b’aċċessibilità u b’sigurtà aħjar bejn Ħal Qormi, Ħal Luqa, Santa Luċija, il-Marsa, il-Gudja, l-Ajruport u l-mini ta’ Ħal Kirkop. Il-proġett jinkorpora passaġġi, pedestrian crossings u korsija segregata ġdida għaċ-ċiklisti u dawk li jiffrekwentaw iż-żona bil-mixi tul Triq il- Kunsill Tal-Ewropa.

Preżenti għal din iż-żjara kien hemm it-tim ta’ IM u l-kuntratturi involuti fil-proġett.

Ekonomija

Sport