Ir-Royal Malta Golf Club organizzat it-Tazza tan-Nazzjonijiet fejn erba’ timijiet ħadu sehem f’din il-kompetizzjoni. Fil-fatt Team Malta kkompetew kontra l-Iskandinavi u n-Nordiċi filwaqt li r-Renju Unit u l-Irlanda lagħbu kontra plejers li ġejjin minn pajjiżi oħra differenti.
F’ambjent ta’ ħbiberija iżda b’riħ u xita li ħakem il-korsa tal-golf fil-Marsa, il-plejers Maltin kellhom riżultati mħallta.
Nicky Beck u Luc Schembri lagħbu kontra Tony Kjaldstrom u Tore Lindtveit u tilfu wara li dan tal-aħħar irreġistra sitt birdies.
Mill-banda l-oħra kellna r-rebħa ta’ Ruud Critien u David Urpani li għelbu lil Toni Westerholm u Alex Hillblom.
Rebħa oħra wettquha Andrew u Peter Naudi li għelbu b’mod drammatiku lil Miika Mustonen u Harri Lehtniemi.
Kien hemm ukoll il-parteċipazzjoni ta’ Maurice Gruppetta, Stephen Pandolfino, Martin Azzopardi, u Patrick Baldacchino li kienu parti minn tim Malta.
Sadanittant ir-riżultat finali wara dan il-logħob xaqleb favur l-Iskandinavi u n-Nordiċi li għelbu lill-Maltin tliet punti u nofs għal żewġ punti u nofs.
Sadanittant fil-logħob l-ieħor, kienu The Rest li għelbu lir-Renju Unit u l-Irlanda tliet punti u nofs għal żewġ punti u nofs.
Fost ir-riżultati, Gernot MacSchmid u Danijel Bogdanovic għelbu lill-Irlandiżi Patrick Cary u James Lynam filwaqt li l-Brittaniċi Tim Cleasby u David Barry għelbu lill-plejers żgħażagħ Noah Gratil u Aleks Vagimov.
Dorien Meced u Moses Kiberu minn The Rest kienu aħjar minn Paddy Mann u David Mansfield filwaqt li Steve Patterson u Steve Dodds għelbu lil Peter Canaki u Hugo Zhang.
Finalment f’konfront bilanċjat Eugene Cranley u Eugene McCooey spiċċaw bl-istess numru ta’ punti kontra l-Grieg Panos Baltzis u l-Franċiż Gaetan Aubin.
Fi tmiem l-attivita’ Craig Welsh u Jozef Spiteri f’isem l-isponsor The Spectrum IFA Group ippreżentaw tifkira tal-okkażjoni.
It-tieni ġurnata ta’ dan il-logħob se ssir nhar it-Tnejn 10 ta’ Frar fejn din id-darba Malta tilgħab kontra The Rest filwaqt li r-Renju Unit toħodha kontra l-Iskandinavi/Nordiċi.