Saturday, December 28, 2024

Ir-Russi jippreparaw għal offensiva oħra fuq Kyiv

Aqra wkoll

Ritratti meħudin mis-sa­tellita minn kumpanija ġewwa l-Istati Uniti, qed juru li l-konvoj militari kbir Russu li kien hemm qrib l-Ukrajna issa “fil-maġġoranza tiegħu jinsab mifrux u skjerat mill-ġdid”. Dan il-konvoj kien deher l-aħħar darba qrib l-ajruport Antonov fil-Majjistral tal-Kyiv, u l-movimenti tiegħu qegħdin jagħtu indikazzjoni li se jkun hemm offensiva oħra lejn il-kapitali Ukrena.

Maxar Technologies, il-kum­panija li ħadet dawn ir-ritratti, qalet li partijiet minn dan il-konvoj issa qed jiċċirkondaw bliet oħrajn madwar Kyiv filwaqt li partijiet oħrajn jinsabu fin-naħa tat-Tramuntana, bl-artillerija skjerata b’mod li tkun tista’ tispara lejn il-kapitali. Dan kollu qiegħed iseħħ hekk kif il-forzi Russi ġewwa l-Ukrajna jidher li qed jipprovaw jattakkaw żoni oħrajn ġewwa dan il-pajjiż. Fost dawn hemm mitjar u fabbrika li tagħmel il-maġni tal-ajruplani ġewwa Lutsk, attakki f’mitjar ieħor f’Ivano-Frankivsk, u attakki wkoll ġewwa Dnipro. 

Dwar is-sitazzjoni ta’ Kyiv, uffiċjal tad-difiża tal-Istati Uniti – li tkellem b’mod anonimu – qal li f’24 siegħa l-forzi Russi avvanzaw tliet mili lejn il-kapitali biex b’hekk issa jinsabu biss disa’ mili bogħod miċ-ċentru. L-offensiva qiegħda ssir min-naħa tal-Majjistral tal-belt, filwaqt li min-naħa tal-Grigal il-forzi Russi jinsabu 25 mil bogħod.  Għal diversi sigħat l-imsemmi konvoj kien imwaħħal ftit ’il barra mill-kapitali u dan hekk kif l-Ukreni kienu qegħdin jattakkawh bil-missili ta’ kontra t-tankijiet. S’issa mhux magħruf kemm kienu t-telfiet Russi fir-remonta Ukrena.

Fid-dawl ta’ dawn l-offensivi ġodda tar-Russja, il-konsulent tal-President Ukren, Mykhaylo Podolyak, qal li “għal darb’oħra bliet kbar qed ikunu fil-mira ta’ attakki devastanti”. Huwa tenna li fil-bumbaradmenti ġewwa Lutsk żewġ fabbriki li jipproduċi s-central heating kellhom jingħalqu u għalhekk huwa qal li dan huwa attakk distruttiv kontra n-nies ċivili. 

Intant, rapporti mill-midja Russa qed jgħidu li l-belt Ukrena ta’ Volnovakha waqgħet f’idejn separatisti li jappoġġjaw lir-Russja. S’issa għad ma kien hemm l-ebda rapporti indipendenti li jikkonfermaw dan. 

Ekonomija

Sport