Kelliem għal Kremlin qiegħed jgħid li d-delegazzjoni Russa lesta biex tkompli bit-taħdidiet dwar il-gwerra tal-Ukrajna illejla.
In-negozjati mistennija jsiru fil-Belarus f’tentattiv li dan il-kunflitt jiġi fi tmiemu, iżda skont rapporti barrranin s’issa mhux magħruf jekk xi delegati Ukreni humiex se jitfaċċaw għad-djalogu.
Fl-aħħar jiem, ir-Russja waqqfet temporanjament l-attakki fil-fruntiera sabiex sar l-ewwel tentattiv ta’ negozjati li sfortunatament ma wassal għal l-ebda ftehim.
Il-President Ukren Volodymyr Zelensky qal lil pajjiżu li huwa kien preparat li jibda d-djalogu, iżda mhux fil-Belarus minħabba li mill-post kienu ntbagħtu truppi Russi biex jattakkawhom.
Huwa insista li mhuwiex lest li jitkellem f’postijiet li spiċċaw fil-mira tal-attakk tar-Russi u għalhekk issuġġerixxa Warsaw, l-Istanbul u Baku bħala l-postijiet li fihom jistgħu jsiru dawn in-negozjati.