Saturday, December 28, 2024

Ir-Russja b’att ta’ terroriżmu nukleari f’Kharkiv

Aqra wkoll

Għadu kemm ġie evitat diżastru nukleari fl-Ukrajna lbieraħ filgħaxija hekk kif laboratorju li kellu materjal radjuattiv ħa n-nar. Minnufih, filmat li juri nirien kbar fl-Istitut tal-Fiżika u t-Teknoloġija f’Kharkiv iċċirkola fuq il-midja soċjali.  Skont il-ġurnalist Sean Seddon, l-Ukrajna qed iżżomm lill-forzi Russi responsabbli għal dan l-attakk — li fil-fehma tal-Ukreni huwa meqjus bħala “att ta’ terroriżmu nukleari” — minkejja li l-Ukrajna hija konxja li dan l-Istitut huwa mgħammar b’apparat li jekk issirlu l-ħsara jista’ jikkawża rilaxx ta’ materjal radjuattiv. Min-naħa l-oħra, il-midja tal-Kremlin qed tipprova toħloq għajdut li l-Ukrajna pjanat dan l-inċident nukleari sabiex toħloq “skuża” u twassal lill-pajjiżi tal-Punent biex jintervjenu.

Permezz ta’ dan l-attakk, ir-Russja kompliet titfa’ lilha nnifisha f’dawl ikrah minħabba li ħolqot riskju ta’ diżastru ambjentali wara li wettqet operazzjonijiet militari fil-viċinanzi ta’ materjal perikoluż. Ir-Russja min-naħa tagħha qed issostni li Kyiv qed toħloq armi li kapaċi jeqirdu massa kbira ta’ nies, u li l-Ukrajna qed tgawdi s-sapport tal-Amerka f’dan ir-rigward. 

Min-naħa tagħhom, il-pajjiżi tal-Punent ma jidhirx li qed jibilgħu l-istqarrijiet tar-Russja, hekk kif inżergħet il-biża’ li din hija qlajja’ min-naħa tar-Russja sabiex tgħatti xtura u twettaq attakk b’armamenti kimiċi hi stess. Il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson jisħaq illi “Ir-Russja ħa targumenta li hemm armamenti kimiċi mħejjija mill-opponenti tagħha jew mill-Amerikani,  sabiex meta huma stess jagħmlu użu minn dawn l-armamenti, jeħlu b’kollox l-Ukreni”. 

Għalkemm għadu mhux magħruf eżatt xi ħsarat saru u kemm hemm nies midruba, s’issa ma jidhirx li kien hemm individwi li tilfu ħajjithom f’dan l-inċident. 

Ekonomija

Sport