Il-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelensky akkuża lir-Russja li qed tipprova tisfrutta l-gwerra fil-Lvant Nofsani biex tikkawża “aktar qerda” f’pajjiżu.
Huwa qal li l-Ukrajna għandha bżonn sistemi ta’ difiża mill-ajru, irrispettivament minn dak li qed jiġri f’partijiet oħra tad-dinja. Il-gwerra bejn l-Istati Uniti u Iżrael kontra l-Iran wasslet biex jintużaw ħafna missili ta’ difiża mill-ajru biex jiġu mrażżna attakki ta’ ritaljazzjoni.
Il-kummenti ta’ Zelensky sary wara li r-Russja wettqet attakk kbir mill-ajru matul il-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd, li fih inqatlu minn tal-inqas ħames persuni.
Huwa qal li madwar 500 drone u missili kienu ntbagħtu fl-aħħar mewġa ta’ attakki Russi. “Għalkemm ħafna minnhom ġew interċettati, xorta waħda kkawżaw vittmi u ħsarat f’diversi partijiet tal-pajjiż,” huwa żied jgħid.
“Il-mira ewlenija tar-Russi kienet l-infrastruttura tal-enerġija fir-reġjun ta’ Kyiv, iżda sfortunatament kien hemm ukoll impatti diretti u ħsarat fuq bini residenzjali, skejjel u negozji ċivili,” stqarr Zelensky.
Uffiċjali Ukreni qalu li erba’ persuni mietu fir-reġjun ta’ Kyiv u ħafna oħra ndarbu f’dawn l-aħħar attakki.
Sussegwentement, attakk Russu fuq żona residenzjali qrib Zaporizhzhia allegatament ħalla persuna oħra mejta u 18-il persuna midruba.
L-430 drone u 68 missila ma jikkostitwux l-akbar bumbardament Russu li rat l-Ukrajna, iżda huwa fost l-akbar attakki li saru fl-aħħar xhur.

