Ir-Russja wissiet lill-Istati Uniti li hija għandha s-saħħa li tpoġġi lil din is-superpotenza f’postha u akkużat lill-pajjiżi tal-Punent li qegħdin jiffumentaw sentiment anti-Russu biex ikissru lil dan il-pajjiż.
Qal dan Dmitry Medvedev li kien serva bħala President tar-Russja bejn l-2008 u l-2012. Illum il-ġurnata Medvedev jokkupa l-kariga ta’ deputat segretarju għall-Kunsill tad-Difiża Russu. Fid-diskors tiegħu Medvedev allega li l-Istati Uniti qiegħda tiffumenta sentiment kontra r-Russja, li huwa ddeskrivieh bħala “diżgustanti”, bil-għan li Moska tispiċċa għarkupptejha. L-eks President iżda qal li, “dan mhux se jaħdem – ir-Russja għandha s-saħħa l-tpoġġi lill-għedewwa tagħha f’posthom.”
Minn meta r-Russja invadiet lill-Ukrajna fl-24 ta’ Frar li għadda, l-Istati Uniti, l-Ewropa u alleati Ażjatiċi faqqgħu sanzjonijiet qawwija fuq il-kapijiet Russi, kumpaniji u negozjaturi kbar. Dan wassal biex l-ekonomija Russa tinqata’ minn dik globali.
Min-naħa tiegħu l-President Russu Vladimir Putin kompla jisħaq li dik li huwa jsejjaħ bħala “operazzjoni militari speċjali” ġewwa r-Russja hija neċessarja għaliex l-Istati Uniti qiegħda tuża lil Kiev biex thedded lil Moska u din tal-aħħar hija konstretta tiddefendi lilha nnifisha minn “ġenoċidju” ta’ persuni Russi ġewwa l-Ukrajna. Min-naħa l-oħra, l-Ukrajna qiegħda tgħid li hija qiegħda tiġġieled għall-eżistenza tagħha u l-allegazzjonijiet ta’ Putin dwar ġenoċidju ma jagħmlux sens. Il-pajjiżi tal-Punent qalu li l-allegazzjoni li huma jridu jaqsmu lir-Russja hija ħrafa.