Ir-Russja wettqet bumbardamenti f’iktar minn 40 belt ġewwa r-reġjun tad-Donbas li jinsab fil-Lvant tal-Ukrajna. F’dawn l-attakki, li l-għan tagħhom hu li jiċċirkondaw lill-ġellieda Ukreni, għadd ta’ bini ġie mkisser.
Wara li r-Russja falliet milli tieħu l-kontroll tal-kapitali Kiev, u t-tieni l-ikbar belt Kharkiv issa jidher li Moska ddedikat il-qilla kollha tagħha lejn ir-reġjun tad-Donbas. Dan ir-reġjun jikkonsisti fil-provinċji ta’ Luhanks u Donetsk.
Ir-Russja bagħtet eluf ta’ suldati fir-reġjun tad-Donbas u qiegħda twettaq attakk minn tliet bnadi. Il-ħsieb hu li s-suldati Ukreni li qed iżommu sod fil-bliet ta’ Sievierodonetsk u Lysychansk jiġu ċċirkondati. Jekk ir-Russja tirbaħ, il-provinċja ta’ Luhanks tispiċċa taħt il-kontroll tagħha u b’hekk ikun intlaħaq wieħed mit-tragwardi ewlenin tar-Russja f’din il-gwerra.
Il-Ministru tal-Intern Ukren Vadym Denisenko qal li, “kollox jidher li huwa ffukat fuq id-Donbas.” Huwa tenna li s-sitwazzjoni hija waħda tensa ħafna u dan hekk kif xejn inqas minn 25 battaljun Russu qed jipprovaw jiċċirkondaw lill-forzi Ukreni.
Skont l-awtoritajiet Ukreni, il-forzi Russi bbumbardjaw xejn inqas minn 40 belt f’dan ir-reġjun u ħallew ħerba sħiħa fuq strutturi anke ċivili, fosthom djar u skejjel. L-Ukrajna qiegħda tirrapporta li f’dawn il-bumbardamenti nies ċivili tilfu ħajjithom.