Saturday, July 5, 2025

Ir-Russja ssir l-ewwel stat li tirrikonoxxi l-Gvern tat-Taliban fl-Afganistan

Aqra wkoll

Ir-Russja saret l-ewwel pajjiż li rrikonoxxa formalment it-tmexxija tat-Taliban, bil-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Afganistan Amir Khan Muttaqi jiddeskrivi din id-deċiżjoni bħala waħda “kuraġġuża”. 

Huwa ltaqa’ mal-Ambaxxatur tar-Russja għall-Afganistan, Dmitry Zhirnov, f’Kabul il-Ħamus li għadda fejn wassal uffiċjalment id-deċiżjoni tiegħu li jirrikonoxxi l-Emirat Iżlamiku tal-Afganistan. 

Muttaqi sostna li din kienet “fażi ġdida ta’ relazzjonijiet pożittivi, rispett reċiproku u impenn kostruttiv” u li l-bidla se sservi ta’ “eżempju” għal pajjiżi oħra. 

It-Taliban fittxew rikonoxximent u investiment internazzjonali minn meta reġgħu lura fil-poter f’Awwissu 2021, minkejja rapporti ta’ ksur dejjem jiżdied tad-drittijiet tal-bniedem.

“Nemmnu li l-att ta’ rikonoxximent uffiċjali tal-gvern tal-Emirat Iżlamiku tal-Afganistan se jagħti spinta lill-iżvilupp ta’ kooperazzjoni bilaterali produttiva bejn il-pajjiżi tagħna,” qal il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tar-Russja fi stqarrija.

Intqal ukoll li r-Russja rat il-potenzjal għal kooperazzjoni “kummerċjali u ekonomika” fl-“enerġija, it-trasport, l-agrikoltura u l-infrastruttura”, u li se tkompli tgħin lil Kabul fil-ġlieda kontra t-theddid tat-terroriżmu u t-traffikar tad-droga.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport