Saturday, December 21, 2024

Ir-Russja tattakka bażi militari Ukrena qrib ħafna tal-Polonja

Aqra wkoll

Attakk Russu bil-missili fuq bażi militari kbira Ukrajna qrib il-fruntiera mal-Polonja – pajjiż fin-NATO – ħalla minn tal-inqas disa’ persuni mejtin u 57 feruti.

Uffiċjali Ukreni qalu li f’din il-bażi militari kienu jaħdmu numru ta’ għalliema militari barranin, u s’issa għadu mhux magħruf jekk kienx hemm tali persuni preżenti waqt li seħħ dan l-attakk.

Il-gvernatur reġjonali, Maksym Kozytskyy, qal li l-ajruplani Russi sparaw madwar 30 rokit fuq il-bażi magħrufa bħala Yavoriv International Center for Peacekeeping and Security, filwaqt li tenna li numru ta’ rokits ġew interċettati qabel dawn laqtu l-miri tagħhom.  Din il-bażi militari hija kbira 360 kilometru kwardu, u tinsab 25 kilometru biss bogħod mill-frun­tiera Pollakka. 

Min-naħa tagħha, l-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters qalet li hija ma tistax tivverifika b’mod indipendenti r-rapporti li qed joħorġu minn din iż-żona, filwaqt li r-Russja ma tat l-ebda kumment dwar dan. Bosta kienu dawk li wrew tħassib serju għall-fatt li r-Russja ddeċidiet li tattakka post li jinsab qrib ħafna ta’ pajjiż li huwa membru fin-NATO. Reuters irrapportat li l-ġurnalisti tagħha raw xejn inqas minn 19-il ambulanza ġejjin mill-bażi ta’ Yaroviv filwaqt li kien hemm ħafna duħħan iswied tiela’ minn din il-bażi.

Qabel faqqa’ dan il-kunflitt, is-suldati Ukreni kienu jagħmlu l-maġġoranza tat-taħriġ mal-pajjiżi tan-NATO proprju f’din il-bażi. L-aħħar taħriġ kbir li sar kien f’Settembru li għadda. Fil-ġimgħat qabel bdiet l-invażjoni Russa fl-24 ta’ Frar, il-militar Ukren kien qiegħed jitħarreġ f’dan il-post, iżda skont sorsi Ukreni l-għalliema barranin kienu telqu kollha f’nofs Frar iżda ħallew l-apparat kollu hemm.

L-invażjoni Russa ġewwa l-Ukrajna wasslet biex s’issa iktar minn 2.5 miljun persuna qasmu l-fruntieri u telqu mill-pajjiż filwaqt li hemm eluf ta’ persuni li għadhom maqbduin fl-ibliet. 

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-qawwiet tal-Punent qegħdin jipprovaw jiżolaw lir-Russja billi jimponu sanzjonijiet ħorox ħafna, filwaqt li l-Istati Uniti u l-alleati tagħha qegħdin jagħmlu minn kollox biex jiġi evitat li n-NATO tidħol f’dan il-kunflitt, hekk kif dan jispiċċa jinvolvi lill-pajjiżi kollha f’din l-unjoni militari. 

Ekonomija

Sport