Kmieni l-Ġimgħa filgħodu, ir-Russja wettqet attakk kbir fuq Kyiv li wassal għal nirien u anke tifrik f’ħafna distretti tal-kapitali. Dan kien ikkonfermat mis-Sindky Vitali Klitschko fi stqarrija fejn qal li minn tal-inqas 11-il persuna ndarbu f’dawn l-attakki.
Ħames persuni kellhom jiddaħħlu l-isptar għall-kura, inkluż raġel li kien f’kundizzjoni kritika u mara tqila. L-uffiċjali qalu li l-attakk fuq il-kapitali kien għadu għaddej filwaqt li ħeġġew lir-residenti biex jibqgħu fix-shelters sakemm jitneħħa l-allert ta’ attakk mill-ajru.
L-awtoritajiet f’din il-belt wissew ukoll li hemm il-possibilità li jkun hemm xi qtugħ ta’ dawl u ilma.
Ritratti ppubblikati fuq il-midja soċjali wrew siti differenti maħkuma min-nirien u residenti miġbura fit-toroq – li kienu mimlija bit-tifrik – barra bini ta’ appartamenti.
“Ir-Russi qed jolqtu bini residenzjali. Hemm ħafna bini ta’ appartamenti b’ħafna sulari li ġarrbu ħsarat, fi kważi kull distrett,” kiteb Tymur Tkachenko, il-kap tal-amministrazzjoni militari ta’ Kyiv fuq l-app Telegram.

