Monday, October 20, 2025

Ir-Russja tgħid li hemm “riskju reali” ta’ skambju nukleari

Aqra wkoll

Ir-Russja qiegħda takkuża lin-NATO b’involviment indirett fil-gwerra ġewwa Ukrajna u dan billi qiegħda tissupplixxi armi lil din tal-aħħar. Moska qalet li dan qiegħed joħloq xenarju perikoluż u jkabbar ir-riskju ta’ skambju nukleari. 

Meta l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Russu Sergei Lavrov kien mistoqsi fuq l-istazzjon televiżiv tal-istat Russu dwar l-importanza li tiġi evitata t-Tliet Gwerra Dinjija, u dwar jekk il-kriżi preżenti hix simili għall-Kriżi ta’ Kuba tal-1962 huwa qal li, “ir-riskji fil-preżent huma konsiderevoli.” Lavrov qal li huwa mhux se joqgħod ikabbar ir-riskju b’mod artifiċjali, iżda tenna li l-periklu huwa reali u m’għandux jiġi sottovalutat. Il-Ministru Russu tenna li n-NATO tinsab fi gwerra indiretta mar-Russja, fejn din qiegħda tarma lill-Ukrajna. 

Dan id-diskors min-naħa ta’ Lavrov sar fl-istess waqt li s-Segretarju tad-Difiża tal-Istati Uniti Lloyd Austin kien qiegħed jipprepara li jiltaqa’ ma’ iktar minn 40 rappreżentant ta’ pajjiżi differenti f’bażi tal-ajru fil-Ġermanja u hemm jiddiskutu l-pjanijiet biex jipprovdu iktar armi lill-Ukrajna ħalli din tkun tista’ tiddefendi kontra l-aħħar offensiva Russa. 

Iċ-Ċermen tal-U.S. Joint Chiefs of Staff Mark Milley, li kien qed jakkumpanja lil Lloyd, qal li, “il-ġimgħat li ġejjin se jkunu kruċjali ħafna… huma [l-Ukreni] għandhom bżonn l-appoġġ biex ikollhom suċċess fil-battalja u dan huwa fil-fatt l-iskop tal-konferenza.” Milley qal li l-għan tal-konferenza huwa li tiġi kkordinata għajnuna li tinkludi armi b’saħħit­hom bħal artillerija howitzer, kif ukoll drones u munizzjon.  

Fid-dawl tal-kummenti li għamel Lavrov, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Ukrajna Dmytro Kuleba qal li huwa jqis id-diskors tal-ewwel bħala “sinjal ta’ dgħufija”. Huwa qal li r-Russja “tilfet u l-uniku tama tagħha hija li tbeżża’ lid-dinja ħalli l-Ukrajna ma jkollhiex appoġġ”. Fuq twitter Kuleba qal li dan kollu jfisser li “Moska qiegħda xxomm it-telfa”.

Sport