Ir-Russja llum irreġistrat numru rekord ta’ każi ġodda u mwiet b’rabta mal-pandemija tal-Covid-19 għat-tieni darba f’inqas minn ġimgħa.
Uffiċjali tas-saħħa rrapportaw 25,487 każ ġdid ta’ infezzjonijiet, biex in-numru ta’ persuni infettati fir-Russja sa mill-bidu tal-pandemija issa jiżboq sew iż-żewġ miljun każ.
L-awtoritajiet tas-saħħa rrapportaw ukoll 524 imwiet ikkaġunati mill-Covid-19, biex in-numru ta’ fatalitajiet fir-Russja issa tela’ għal 38,062.
Din hija t-tieni darba mis-Sibt li l-pajjiż irreġistra żidiet rekord kemm għall-każi ġodda ta’ infezzjonijiet u mwiet.
Intant minkejja ż-żidiet sinjifikanti – deskritti mill-President Vladimir Putin il-ġimgħa li għaddiet bħala “allarmanti” – ir-Russja baqgħet ma imponietx t-tip ta’ lockdowns li ġew implimentati minn ċerti pajjżi Ewropej.
L-awtoritajiet f’diversi reġjuni għamlu l-ilbies tal-maskra fil-pubbliku bħala obbligatorja. Dan filwaqt li għamlu restrizzjonijiet dwar in-numru ta’ ħaddiema li jistgħu jkunu preżenti fl-istess waqt f’uffiċini. Madankollu naqsu milli jimponu miżuri aktar stretti ta’ lockdowns li kienu ġew imposti fir-rebbiegħa li għaddiet.