Friday, December 13, 2024

Ir-Russja tkompli l-assedju fuq il-belt ta’ Mariupol

Aqra wkoll

Eluf ta’ nies ċivili għadhom maqbuda fil-belt

L-artillerija Russa kompliet tibbumbardja l-bliet Ukreni ta’ Mariupol u Kharkiv u dan hekk kif il-Punent qiegħed jipprepara sanzjonijiet ġodda kontra Moska bħala risposta għall-allegat qtil ta’ nies ċivili li l-Ukrajna u l-alleati tagħha qed jiddeskrivu bħala delitti tal-gwerra. 

Il-belt port ta’ Mariupol tista’ tgħid li ilha mill-bidu tal-invażjoni Russa taħt bumbardament kontinwu u kawża t’hekk għexieren ta’ eluf ta’ persuni spiċċaw inqabdu ġewwa din il-belt b’nuqqas kbir ta’ provvisti ta’ ikel, ilma u enerġija elettrika. 

Min-naħa tagħha, l-intelliġenza militari Britannika qalet li s-sitwazzjoni umanitarja ġewwa din il-belt qiegħda dejjem sejra għall-agħar. Tant hu hekk li ħafna mill-160,000 persuna li għadhom residenti ġewwa din il-belt m’għandhomx provvisti tal-elettriku, medina, sħana, ilma u lanqas komunikazzjoni. L-intelliġenza Britannika qalet li l-forzi Russi qed iwaqqfu l-aċċess umanitarju, u dan biex ipoġġu pressjoni fuq dawk li qed jiddefendu lil din il-belt.

Fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ Mariupol, il-Deputat Prim Ministru Ukrena Iryna Vereshchuk qalet li l-awtorita­jiet se jkunu qed jipprovaw jevakwaw liċ-ċittadini ta’ din il-belt permezz ta’ 11-il kuritur umanitarju, iżda aktarx dawn se jkollhom jużaw il-vetturi privati tagħhom biex joħorġu. 

Intant il-pajjiżi tal-Punent mistennija li jħabbru sett ieħor ta’ sanzjonijiet u dan minħabba l-allegat attroċitajiet li qed jitwettqu fuq nies ċivili partikolarment dak li seħħ fil-belt ta’ Bucha. L-awtoritajiet Urkeni qalu li ġewwa din il-belt instab qabar tal-massa li fih hemm bejn 150 u 300 katavru. 

Is-sanzjonijiet se jkunu qed jiġu kkordinati bejn l-Istati Uniti, l-Unjoni Ewropea u grupp ta’ seba’ ekonomiji kbar. Dawn is-sanzjonijiet se jkollhom fil-mira tagħhom banek u uffiċjali Russi u l-projbizzjoni ta’ investiment ġdid ġewwa r-Russja. L-Unjoni Ewropea qiegħda tipproponi li jkun hemm projbizzjoni fuq ix-xiri ta’ faħam mir-Russja, jipprevjenu li vapuri Russi jidħlu fil-portijiet tal-Unjoni Ewropea u li jkun hemm sospensjoni ta’ €20 biljun f’kummerċ globali.

Ekonomija

Sport