Friday, December 5, 2025

IR-RUSSJA TWISSI: “ATT LI JIĠĠUSTIFIKA GWERRA”

… Periklu hekk kif il-Kummissjoni Ewropea qed tippjana li tuża jew tislef fuq l-assi ffriżati Russi  

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Kummissjoni Ewropea nhar l-Erbgħa li għadda pproponiet użu bla preċedent tal-assi Russi ffriżati jew self internazzjonali bil-mira li tinġabar is-somma ta’ €90 biljun għall-Ukrajna biex tkopri d-difiża tagħha u s-servizzi bażiċi. B’reazzjoni għal dan, ir-Russja ħarġet twissija inkwetanti ta’ “casus belli” u qalet li pass bħal dan għalihom jista’ jfisser att li jiġġustifika gwerra u dan b’kull implikazzjoni relevanti għall-pajjiżi membri tal-UE.

Il-kwistjoni serja nqalgħet hekk kif il-Kummissjoni Ewropea din il-ġimgħa qalet li se timxi ’l quddiem bi pjanijiet kontroversjali biex tiffinanzja lill-Ukrajna permezz ta’ self ibbażat fuq l-assi ffriżati tar-Russja. Wara reazzjonijiet opposti għal dan il-pjan inkluż mill-Belġju stess, l-eżekuttiv tal-UE ppropona għażla oħra – dik ta’ self tal-UE ibbażat fuq self komuni. Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, min-naħa tagħha qalet li ż-żewġ proposti għandhom jiżguraw li “l-Ukrajna jkollha l-mezzi biex tiddefendi lilha nnisha u tmexxi ’l quddiem in-negozjati ta’ paċi minn pożizzjoni ta’ saħħa”.

Madwar €290 biljun mill-ġid sovran tar-Russja fil-Punent ġew iffriżati wara l-invażjoni fuq skala sħiħa tal-Ukrajna fl-2022. Il-biċċa l-kbira ta’ dawk il-fondi jinsabu fl-Ewropa, l-aktar fil-Belġju. Euroclear, depożitarju ċentrali ta’ titoli f’Brussell, iżomm €183 biljun mill-assi Russi u qed jibża’ li kwalunkwe użu ta’ dawn l-assi jkun ekwivalenti għal konfiska, li tikser il-liġi internazzjonali u twassal għal għadd ta’ kawżi legali.

Uffiċjali tal-UE dejjem ippruvaw jimminimizzaw ir-riskji legali u jargumentaw li r-Russja xorta hija sid ta’ dawn il-fondi. Għaldaqstant, li qegħdin jipproponu huwa self mill-UE lill-Ukrajna bis-sigurtà fuq l-assi Russi. Il-pjan jiddependi fuq l-assunzjoni li Moska xi darba tħallas il-ħsarat li saru fl-Ukrajna u li l-assi Russi jibqgħu ffriżati għall-futur prevedibbli.

Ir-Russja tisħaq li l-UE ilha tippprova “tisraq” l-assi ffriżati

Ir-Russja qiegħda tqis din il-mossa bħala pass li jista’ jkun ta’ ġustifikazzjoni għall-gwerra. Dmitry Medvedev, il-viċi chairman tal-Kunsill tas-Sigurtà Russu sostna li, “jekk l-Unjoni Ewropea, b’att ta’ ġenn, tipprova fl-aħħar tisraq l-assi Russi ffriżati fil-Belġju taħt il-kappa ta’ dak li jissejjaħ ‘self għal tiswijiet tal-ħsarat’, azzjonijiet bħal dawn skont il-liġi internazzjonali jistgħu jikkwalifikaw bħala tip speċjali ta’ casus belli, b’kull implikazzjoni relevanti għal Brussell u għall-pajjiżi individwali tal-UE”.

Min-naħa tiegħu l-Prim Ministru tal-Belġju, Bart De Wever, speċifika li l-assi Russi ffriżati msemmija, “eventwalment jingħataw lura lir-Russja” u għal darb’oħra ċaħad il-pjan tal-Unjoni Ewropea li tuża €90 biljun f’assi Russi ffriżati biex tiffinanzja lill-Ukrajna.

Deċiżjoni għal aktar tard dan ix-xahar…

Laqgħat għal paċi b’verżjonijiet kontradittorji

Il-mexxejja tal-UE se jintalbu jiddeċiedu dwar l-għażliet aktar tard dan ix-xahar, hekk kif l-Ukrajna qiegħda tiffaċċja kriżi finanzjarja. Dan filwaqt li fl-aħħar sessjoni ta’ taħditiet ta’ paċi bejn l-Istati Uniti u r-Russja jidher li kien hemm ftit progress.

Nhar l-Erbgħa li għadda wkoll, jum wara taħditiet bejn Vladimir Putin u l-mibgħuta tal-President Amerikan Donald Trump, Steve Witkoff u Jared Kushner, uffiċjal tal-Kremlin qalu li d-diskussjonijiet kienu “pożittivi”. Trump ukoll semma’ andament pożittiv. Fil-fatt il-President tal-Istati Uniti qal lill-ġurnalisti li Putin “b’mod qawwi ħafna ried itemm il-gwerra” u li hemm indikazzoni li Putin lest li jagħmel kompromess.

B’kuntrast, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Ukrajna Andrii Sybiha, ħeġġeġ lil Putin biex “jieqaf jaħli l-ħin” mentri l-kontroparti Estonjan tiegħu, Margus Tsahkna allega li kien “pjuttost ċar” li l-Kremlin ma kellu l-ebda interess fil-paċi. Qegħdin jinsistu li Putin ma biddel xejn fil-kors tiegħu u li qiegħed jimbotta b’mod aktar aggressiv fil-kamp tal-battalja.

Gwerra fir-raba’ xitwa tagħha…

Hekk kif il-Gwerra fl-Ukrajna daħlet fir-raba’ xitwa tagħha, il-mexxejja Ewropej iffokaw aktar fuq il-ħtieġa li jingħalaq id-distakk fil-finanzi tal-Ukrajna. Von der Leyen fissret pjan ta’ €90 biljun (£79 biljun), li stmat li jkopri tnejn minn kull tliet partijiet tal-bżonnijiet ta’ Kiev għas-sentejn li ġejjin. Qalet li “imsieħba internazzjonali” oħra jkopru l-bqija.

Din l-għajnuna kontroversjali hija ppjanata li tkun iffinanzjata permezz ta’ self komuni tal-UE jew self ibbażat fuq l-assi ffriżati tar-Russja fl-Ewropa. Uffiċjali tal-UE qalu li ż-żewġ għażliet jistgħu jiġu kkombinati, iżda għamluha ċara li s-self ibbażat fuq l-assi ffriżati kien l-għażla preferuta tagħhom. Dan minkejja l-oppożizzjoni qawwija tal-Belġju.

Il-pubblikazzjoni ta’ test legali ta’ dan il-pjan se tkun segwita tard dan ix-xahar f’summit tal-UE. Hawn il-mexxejja se jkunu mħeġġa jaqblu fuq pjan ta’ finanzjament ta’ sentejn għall-Ukrajna ħalli tkun evitata kriżi monetarja imminenti. Dan wara li naqsu milli jiftiehmu f’Ottubru li għadda. 

Uffiċjali tal-UE ħarġu stima ta’ kalkolu li l-Ukrajna teħtieġ €136 biljun fl-2026 u l-2027 biex tkun tista’ tkompli bid-difiża tagħha u żżomm il-pajjiż għaddej.

L-Istati Uniti bi pjan totalment differenti

Is-sitwazzjoni kkomplikat aktar ruħha wara li l-amministrazzjoni Trump ħabbret pjan biex tinvesti parti mill-assi ffriżati tar-Russja fi proġetti konġunti bejn l-Istati Uniti u r-Russja, kif ukoll biex tieħu profitti minn $100 biljun (£75 biljun) tal-fondi li kien intqal li kienu se jintużaw għall-bini mill-ġdid tal-Ukrajna.

Il-mexxejja Ewropej opponew b’mod qawwi dawn l-ideat, li kienu parti minn pjan ta’ 28 punt għall-Ukrajna li minn dak iż-żmien ilu emendat. 

Proġett f’xifer il-falliment

Minn mindu l-President Trump ħa l-kariga, naqqas drastikament l-assistenza Amerikana għall-Ukrajna u kkonċentra aktar biex ikun hemm ftehim ta’ paċi. Min-naħa l-oħra, l-Unjoni Ewropea ilha tipprova tuża kwart ta’ triljun dollaru f’fondi Russi ffriżati fi ħdan il-blokk biex tgħin lill-Ukrajna bl-armi. Iżda, il-pajjiżi membri għadhom ma sabux qbil fuq kif għandu jsir dan u l-proġett jinsab f’xifer il-falliment.

Kif żvelaw diplomatiċi lin-New York Times, l-UE falliet fil-ħidma tagħha biex tipperswadi numru ta’ stati jappoġġjaw din il-proposta. Il-problema prinċipali hija l-oppożizzjoni ta’ Brussell – fatt determinanti peress li l-maġġoranza tal-fondi huma ffriżati proprju fil-Belġju.

Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Belġjan, Maxime Prévot, wissa li jekk il-flus jintużaw issa jista’ jirriżulta aktar diffiċli li tinkiseb soluzzjoni diplomatika għall-gwerra. Fil-pjan ta’ paċi ta’ 28 punt tal-President Donald Trump, parti minn dawn il-fondi huma fil-fatt maħsuba biex jintużaw għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna wara t-tmiem tal-kunflitt.

Fl-istess rapport ingħad li, “dan il-pjan għadu mdendel u dak li kellu jkun dimostrazzjoni ta’ forza Ewropea qiegħed f’periklu li tinkixef dgħufija u konfużjoni. Dan f’mument meta l-Ewropa diġà qiegħda titlef l-influwenza tagħha fuq il-kwistjoni Ukrena u qiegħda ssib ruħha ripetutament barra mit-taħditiet immexxija mill-Istati Uniti”.

Finalment analisti qegħdin jantiċipaw li r-riżultat l-aktar probabbli tal-laqgħa li jmiss tal-UE se jkun pakkett ta’ għajnuna ħafna iżgħar minn dak li verament għandha bżonnl-Ukrajna.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport