It-tieni rawnd ta’ taħditiet ta’ paċi diretti bejn ir-Russja u l-Ukrajna għal darb’oħra ma wasslux għal waqfien mill-ġlied u ġew fi tmiemhom mingħajr ma nkiseb xi avvanz sinfikanti. Madankollu ż-żewġ naħat laħqu ftehim biex isir skambju ta’ aktar priġunieri tal-gwerra.
L-Ukreni waħħlu fir-Russja li rrifjutat waqfien mill-ġlied bla kundizzjonijiet – talba ewlenija li qed jagħmlu l-Ukrajna u l-alleati tagħha fl-Ewropa u l-Istati Uniti – iżda t-tnejn impenjaw ruħhom li jirritornaw il-katavri ta’ 12,000 suldat.
Fit-taħditiet ta nhar it-Tnejn, li saru fil-belt Torka ta’ Istanbul u damu ftit aktar minn siegħa, iż-żewġ naħat qablu li jiskambjaw il-priġunieri tal-gwerra kollha morda u midruba serjament, kif ukoll dawk taħt il-25 sena.
L-aspettattivi li jsir xi progress kienu baxxi anke qabel ma bdew it-taħditiet, biż-żewġ naħat jibqgħu maqsumin ħafna dwar kif għandha tintemm gwerra li ilha għaddejja minn mindu r-Russja nediet l-invażjoni sħiħa tal-Ukrajna fi Frar 2022.
Ir-Russja bħalissa tokkupa u tikkontrolla madwar 20% tat-territorju Ukren, inkluża l-peniżola tan-nofsinhar tal-Krimea li r-Russja għaqqdet magħha fl-2014.
Waqt sessjoni informattiva wara l-laqgħa, il-Ministru tad-Difiża Ukren Rustem Umerov, li mexxa t-tim tan-negozjati ta’ Kyiv, qal li l-Ukrajna qed tinsisti fuq waqfien mill-ġlied sħiħ u bla kundizzjonijiet għal mill-inqas 30 jum fuq l-art, fuq il-baħar u fl-ajru biex jintemm il-qtil.
Żied jgħid li dwar dan l-Ukrajna kienet tat il-proposti tagħha lir-Russja ftit tal-jiem ilu iżda Moska naqset milli tagħmel l-istess, u ppreżentat il-pjan tagħha biss fit-taħditiet f’Istanbul.
Madankollu, il-midja mmexxija mill-istat Russu ppubblikat il-punti ewlenin tal-pożizzjoni Russa wara li ntemmu t-taħditiet. Dawn jinkludu talbiet għal rtirar militari Ukren mill-erba’ reġjuni okkupati parzjalment fix-xlokk tar-Russja u d-demobilizzazzjoni tas-suldati tagħha. Ir-Russja qed titlob ukoll rikonoxximent internazzjonali tar-reġjuni ta’ Donetsk, Luhansk, Kherson u Zaporizhzhia kif ukoll il-Krimea annessa.
Kundizzjonijiet oħra jinkludu projbizzjoni fuq is-sħubija tal-Ukrajna fi kwalunkwe alleanza militari, limitu fuq id-daqs tal-armata Ukrena, ir-Russu bħala lingwa uffiċjali u t-tneħħija tas-sanzjonijiet internazzjonali fuq ir-Russja.
L-Ukrajna wkoll għaddiet lista ta’ mijiet ta’ tfal li qed tgħid ittieħdu bil-forza lejn ir-Russja. Fil-frattemp, in-negozjaturi tal-Ukreni li qed jistennew ir-rispons tar-Russja għall-proposti tagħhom sa tmiem Ġnju, enfasizzaw il-ħtieġa li jippreparaw għal taħditiet diretti bejn Volodomyr Zelensky u Vladimir Putin, iżda s’issa m’hemm l-ebda sinjal ta’ laqgħa bejn il-presidenti taż-żewġ pajjiżi.