Il-President Ukren Volodymyr Zelensky qal li 10 miljun Ukren spiċċaw mingħajr provvista tal-elettriku wara attakk ieħor ta’ missili mir-Russja. Mill-inqas seba’ persuni nqatlu kawża ta’ dawn il-missili sparati u l-vittmi mistennija jiżdiedu.
Min-naħa tiegħu l-President Ukren qal li qed isir dak kollu possibbli biex il-provvista tkun tista’ tkompli lejn in-nrmalità kemm jista’ jkun malajr. Barra minn hekk huwa qal li d-difiża tal-pajjiż irnexxielha twaqqaf missili u anke xi drones li kienu destinati li jżidu mal-attakk.
L-attakk fl-aħħar sigħat kompla jolqot aktar installazzjonijiet tal-enerġija u bini residenzjali, ftit jiem biss wara dak li qiegħed ikun meqjus bħala l-aktar attakk b’saħħtu sa mill-bidu tal-gwerra.
Dawn l-attakki li qegħdin ikomplu jiżdiedu jidhru li saru parti mit-tattika l-ġdida tar-Russi wara li kellhom jirtiraw minn xi żoni fil-kamp tal-battalja.
Persuni f’Kyiv huma l-aktar li qegħdin ibatu minħabba dawn l-aħħar attakki. It-temperatura mhix tgħinhom u minkejja temperaturi baxxi, ħafna tilfu l-possibbiltà li jsaħħnu djarhom.