Raġel Iranjan inqatel b’tiri mill-forzi tas-sigurtà, allegatament talli ċċelebra l-eliminazzjoni ta’ pajjiżu mit-Tazza tad-Dinja.
Mehran Samak inqatel wara li daqq il-ħorn tal-karozza tiegħu fil-belt ta’ Bandar Anzali, belt fil-majjistral ta’ Tehran. Huwa ħareġ jiċċelebra l-eliminazzjoni bħala protesta kontra l-awtoritajiet Iranjani.
Wara li dan ir-raġel safa maqtul irriżulta li l-vittma kien ħabib tat-tfulija tal-pleayer, Saeid Ezatolahi, li lagħab fit-Tazza tad-Dinja u kien fit-team li tilef kontra l-Istati Uniti bl-iskor ta’ 1-0, nhar it-Tlieta li għadda, biex l-Iranjani sfaw eliminati.
Il-grupp tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Iran ibbażat f’Oslo kkonferma l-mewt ta’ Samak fi stqarrija fuq Twitter nhar il-Ħamis.
“Jismu Mehran Samak. Inqatel f’rasu mill-forzi tal-istat meta ħareġ jiċċelebra t-telfa tar-Repubblika Iżlamika fit-Tazza tad-Dinja, f’Bandar Anzali, it-Tlieta filgħaxija bħal ħafna madwar il-pajjiż. Huwa kellu biss 27 sena,” kienet tgħid l-istqarrija.