Minkejja li l-Gvern Iranjan nhar is-Sibt li għadda beda jispara u joqtol lin-nies li kienu qegħdin jipprotestaw fit-toroq, eluf kbar ta’ persuni xorta sfidaw lill-awtoritajiet u l-forzi tas-sigurtà hekk kif baqgħu għaddejjin bil-protesti.
L-Avukat Ġenerali Iranjan qal li dawk kollha li qegħdin jipprotestaw huma “għedewwa ta’ Alla” u allura meta jiġu arrestati għandhom jingħataw il-piena tal-mewt.
Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump kien wissa lill-Iran li jekk se jibda joqtol lin-nies waqt il-protesti se jkun qiegħed jieħu miżuri iebsin ħafna. Min-naħa tiegħu l-Ispeaker tal-Parlament Iranjan qal li jekk l-Istati Uniti se twettaq attakk militari fuq l-Iran allura Iżrael u l-bastimenti kollha militari tal-Istati Uniti li jinsabu fir-reġjun se jkunu fil-mira tal-Iran.
Il-protesti bdew wara li l-poplu kien irrabajt ħafna minħabba li kien hemm żieda fl-ogħli tal-ħajja filwaqt li l-pagi baqgħu l-istess. S’issa qegħdin isiru protesti f’aktar minn 100 belt u raħal. Il-poplu qiegħed jitlob ukoll biex tintemm it-tmexxija tal-Mexxej Suprem Ayatollah Ali Khamenei.
Min-naħa tiegħu Khamenei ddeskriva lil dawk li qegħdin jipprotestaw bħala “nies vandali” u li “qegħdin ipaxxu lil Trump.”



