Il-Pulizija fl-Ecuador qalu li kienu arrestaw erba’ persuni b’konnessjoni mal-attakk li sar waqt ġlieda li kienet qiegħda ssir bejn is-sriedaq fejn mill-inqas inqatlu 12-il persuna.
Waqt it-tfittxija għal persuni li wettqu dan l-attakk il-Pulizija sabu diversi armi tan-nar, uniformijiet tal-pulizija kif ukoll affarijiet oħrajn relatati mal-attakk li sar fil-provinċja ta’ Manabí.
Filmati li qegħdin iduru fuq il-midja soċjali juru l-irġiel jidħlu fiż-żona fejn kien qiegħed isir il-ġlied u bdew jisparaw bl-addoċċ.
Il-Pulizija qalu li dwar dan il-każ infetħet investigazzjoni biex jiġi stabbilit x’wassal eżatt għal dan l-attakk u dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja.
Il-midja internazzjonali rraportat li f’dan il-pajjiż tal-Amerika Latina mill-inqas hemm 20 grupp ta’ kriminali li qegħdin iwettqu diversi attakki fuq persuni ċivili. Huma joperaw l-organizzazzjoni tagħhom fuq traffikar tad-droga, iżda dan l-aħħar għal xi raġuni qegħdin iwettqu massakri f’diversi bliet.
Fil-fatt, f’Jannar ta’ din is-sena ġew irraportati 781 qtil – l-aktar xahar li fih saru delitti fl-aħħar snin. Ħafna minn dawn il-każi huma kollha relatati mat-traffikar tad-droga.