Tuesday, August 19, 2025

“Irid isir Labour Market Study biex nassiguraw ruħna u jkollna stampa ċara ta’ x’għandna f’Malta”

Alex Borg jitkellem dwar il-ħaddiema barranin

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Staqsejnieh dwar kif fl-aħħar jiem kellna l-mewt ta’ ħaddiem barrani, li kien jaħdem bħala xufier. “Ma esprimejtux ruħkom dwaru. Rajt ukoll li fid-diskorsi tagħkom fait li xejn tkellimtu dwar il-ħaddiema barranin. Din naraha tagħti sinjal. Għaliex qegħdin tkunu indifferenti lejn dawn il-ħaddiema?”.

Għal din id-domanda, Alex iwieġeb li “nemmen li llum irid isir Labour Market Study biex nassiguraw ruħna u jkollna stampa ċara ta’ x’għandna f’Malta. Minn l-ewwel ġurnata jekk inkun Kap tal-Partit Nazzjonalista, se nitlob li jsir dan il-Labour Market Study, biex naraw stampa quddiemna ta’ kif inhi s-sitwazzjoni tal-ħaddiema f’pajjiżna, kemm Maltin u kemm barranin. Minn hemm nistgħu nibdew niddiskutu kif nistgħu nirranġaw is-sistema aħjar.  

Naħseb li mhix problema li tattakka l-persuna. Jien qatt ma kont bniedem li nattakka l-barrani jew Malti. Jien bniedem li nara kif is-sistema tista’ tkun aħjar biex f’pajjizna kulħadd ikun jista’ jgħix b’mod aħjar u ma jkunx hemm piż fuq il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin. Jien inħaddan il-politika tal-Partit Nazzjonalista, il-partit tan-nazzjon.

Ma rridx li l-Maltin ikollhom piż jew li l-kwalità tal-ħajja tittappan u rrid li s-sinerġija bejn Maltin u barranin tkun aħjar.  Nemmen li b’Labour Market Study naraw kif nistgħu nirranġaw is-sistema tas-single parents, tal-visas, anke tat-tribunal tal-appell fejn illum it-Tribunal tal-Appelli tal-Immigranti qed idum xhur biex jieħu deċiżjoni. Taħseb li din hi sistema effiċjenti –  li bniedem qed tħallih xhur twal bil-visa sospiża jibqa’ jgħix f’pajjiżna u ma jafx x’se jiġri mill-visa tiegħu? Hemm sistemi u proċedura ta’ kif nagħtu l-permessi lill-barranin li nemmen li jridu jitranġaw biex is-sistema tkun aħjar u effiċjenti.”

Pajjiżna jiflaħ aktar ħaddiema barranin?

Għal din id-domanda, Alex jgħidilna li “l-problema tal-passat kienet li l-viżjoni tal-gvern Laburista f’dik li hi viżjoni ekonomika kienet li żżid il-popolazzjoni imma fl-istess ħin ma kienx hemm l-investment neċessarju fl-infrastrutrura.  Inti kif tista’ tibqa’ bi sptar bħal Mater Dei meta dan kien maħsub għall-popolazzjoni ta’ 400,000 persuna u llum b’popolazzjoni ta’ 700,000 persuna. Ovvjament li se jkollok kollass tas-sistema tas-saħħa għax ma tistax tlaħħaq mal-popolazzjoni ta’ llum. 

Kif tista’ tippretendi li ħafna mit-toroq ma ġewx irranġati u għadhom jindirizzaw il-popolazzjoni ta’ 400,000 persuna. Kif tista’ ma jkollokx pjan biex ikollna l-kombinazzjoni tal-ambjent u l-iżvilupp u allura n-nies qed jifggħu. Anki pjan ta’ immaniġġjar għat-traffiku. Għandna pjan għall-immaniġġjar għat-traffiku? Ftit ilu kellna l-Professur Alexei Dingli li rebaħ  bil-viżjoni tiegħu, bl-AI biex ikollna sistema ta’ immaniġġjar tat-traffiku aħjar. Għaliex il-Gvern din ma jimplimentahiex.

Ftit snin ilu l-gvern kien nieda pjan għas-sistema ta’ metro. X’ġara minn din is-sistema? Illum Malta hi wieħed mill-ftit pajjiżi Ewropej li m’għandniex sistema ta’ trasport tal-massa. Għaliex ma ġietx implementata? Jekk inkun Kap tal-Partit Nazzjonalista se naħdem biex verament dawn jiġu implimentati, biex intaffu l-problma li hawn f’pajiżna. Il-gvern sploda l-popolazzjoni imma fl-istess ħin ma investiex fl-infrastruttura u l-poplu Malti  qed intappnulhom l-kwalità tal-ħajja.”

L-immigranti li jaslu bid-dgħajjes x’inhi l-pożizzjoni tiegħek fuqhom? 

Jgħidilna li “ovvjament din is-sitwazzjoni naqset ħafna. Hemm regoli u obbligi Ewropej u rridu nirrispettawhom. Bla dubju nimxi mar-regoli Ewropej. Aħna pajjiż Ewropej u fuq dawn l-affarijiet u fl-ibħra ta’ madwarna irridu nirrispettaw il-liġijiet Ewropej.”

“Matul din il-kampanja għamiltu għadd ta’ dikjarazzjonijiet. Dak li għaddej f’Gaża u dak li qed jesperjenza l-poplu Palestinjan tħalla fil-ġenb. X’taħsbu fuq is-sitwazzjoni? Tikkundannaw lil Iżrael għal dak li qed iwettaq?”.

Alex iwieġeb li “jien kont ċar li għandu jkun hemm Stat Palestinjan. Jien nikkundanna kull attakk. Nikkundanna l-attakk li sar mill-Hamas u anke l-attakki li qed isiru minn Iżrael.  Dawn huma kundannabbli għax jien ma rrid nara lil ħadd ibati. Rajt ritratt li tani għafsa ta’ qalb. Tifel għadma u ġilda. Ma nistgħux inħallu dawn l-affarijiet jiġru fis-sena 2025.  Li hu żgur hu li nitlob lill-mexxejja globali biex isibu s-soluzzjonijiet neċessarji biex din il-gwerra tieqaf llum qabel għada. Sa mill-bidu mindu tfajt in-nomina tiegħi għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista esiġejt din il-ħaġa u tlabt li jkun hemm ir-rikonoxximent ta’ l-Istat tal-Palestina u dan irid isir mhux f’Settembru imma isir b’mod imminenti. Dan biex Malta tkun eżemplari għal pajjiżi oħrajn, li aħna rridu li din il-gwerra tieqaf u ma nħallu lil ħadd ibati.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport