Saturday, November 16, 2024

Irkant ta’ Aperol Spritz għal Kawża Ġusta

Aqra wkoll

L-idea modesta li tkun irkantata libsa li ntlibset darba biss għall-filmat tal-kampanja tas-sajf ta’ Aperol Spritz intemmet b’suċċess fi rkant għall-karità fil-Palazz ta’ Sant’Anton, li għalih attendew aktar minn 200 ruħ il-Ġimgħa 26 ta’ Awwissu.

L-idea ħarġet biha Claudia Attard, l-Uffiċjal Eżekuttiv tal-Marka Aperol Spritz ma’ Farsons Beverage Imports Company Limited, li kkummissjonat lill-istilista Malti Jay Curmi biex joħroġ b’libsa għall-kampanja speċjali ta’ Aperol Spritz. Fiha
ħadu sehem Valentina Rossi u l-kollegi tagħha tar-radju Nate u Frank (Nate, Frank & Rossi – VibeFM).

Meta ntemmet il-kampanja, is-Sa Attard ħasset li kienet tkun tassew ħasra li din il-libsa ddisinjata apposta ma tintlibes qatt aktar. Għalhekk ħarġet bl-idea li l-libsa tinbiegħ fi rkant u li l-qligħ minnha jmur għall-Malta Community Chest Fund.

Biex jgħinuha twettaq din il-ħolma, is-Sa Attard ikkuntattjat lil Noelene Miggiani u lil Yvonne Desira Buttigieg, it-team wara Fashion For a Cause.

L-idea tal-bejgħ bi rkant ta’ din il-libsa nqalbet fi rkant ambizzjuż ta’ oġġetti uniċi ddisinjati mill-Maltin, li ma ssibhomx għall-bejgħ.

L-oġġetti li kien hemm għall-irkant kienu:
IL-LIBSA L-ORANĠJO – iddisinjata minn Jay Curmi u ta’ lewn oranġjo biex tissimbolizza d-dehra ta’ Aperol Spritz. Il-ħsieb ta’ Jay kien li l-libsa tkun sempliċi ħalli l-kulur joħroġ aktar fuq il-volum wiesa’ tad-drapp ta’ din il-libsa moderna. Din nbiegħet €350.

BASKET ORANĠJO TA’ C&R – il-basket famuż ‘Chloe Bag 22’, li ntuża wkoll minn Valentina Rossi waqt il-ġbid tal-filmat għall-kampanja ta’ Aperol Spritz f’Venezja.

Iż-żewġ stilisti ħolqu disinn impinġi bl-idejn għal mal-basket li kompla jagħmlu basket uniku. Dan inbiegħ €851.

KOWT TA’ PARASCANDALO MIKSI MINN ĠEWWA BL-ORANĠJO – il-kowt unisex ta’ Parascandalo nħadem minn denim użat u nkesa minn ġewwa bi drapp oranġjo. Tabilħaqq kowt uniku li ma ssibx bħalu u li jaqta’ perfett mal-lewn oranġjo tal-irkant. Dan inbiegħ €320.

ĠOJJELLI TA’ YANA’S JEWELLERY BL-ORANĠJO – Biċċa xogħol ispirata mill-ilwien ta’ nżul ix-xemx li jixbhu ferm l-ilwien vibranti ta’ Aperol Spritz. Din inbiegħet €1,500

L-ammont totali mill-bejgħ tal-oġġetti kollha f’dan l-irkant kien €3,021. Meta tgħodd magħhom id-donazzjonijiet l-oħra marbuta mal-irkant, minn iżjed minn 200 persuna, is-somma titla’ €5,361.

Is-Sra Miriam Vella, il-mara tal-President, laqgħet l-idea tal-irkant sa mill-ewwel laqgħa u rringrazzjat lil kull min attenda u ta sehmu u d-donazzjoni tiegħu biex ikun jista’ jittella’ dan l-irkant b’risq il-Malta Community Chest Fund.

Claudia, Noelene u Yvonne kuntenti ħafna bir-reazzjoni tal-pubbliku u bis-suċċess tal-irkant … l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu.

Aperol hu rreklamat u mqassam minn Farsons Beverage Imports Company (FBIC) Limited.

Ekonomija

Sport