Sunday, December 22, 2024

Irkuprati 76% tal-kontenituri tax-xorb fl-ewwel tliet xhur tas-sena

Aqra wkoll

Il-kumpanija BCRS Malta rnexxielha tirkupra 76% tat-total tal-kontenituri tax-xorb li tqiegħdu fis-suq fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena. Minn mindu tnediet l-iskema ta’ rifużjoni, minn nofs Novembru sat-30 ta’ April li għadda, inġabru total ta’ 64,444,421 kontenitur tax-xorb vojt.

L-ammont kollu żdied fl-ewwel kwart ta’ din is-sena b’aktar minn 36 miljun kontenitur mit-48 miljun imqiegħda fis-suq irkuprati matul dawn it-tliet xhur.

Il-BCRS Malta nnotat li dan ir-riżultat huwa notevoli għal pajjiż żgħir bħal Malta, filwaqt li wissiet li dawn iċ-ċifri kienu biss l-ewwel indikazzjoni li ħarġet mill-ewwel kwart tas-sena.

L-introduzzjoni ta’ skema ta’ rifużjoni ta’ kontenituri tax-xorb, li rat lil Malta tintroduċi depożitu ta’ 10ċ fuq fliexken u bottijiet tax-xorb, għandha l-għan li tnaqqas il-iskart, filwaqt li żżid drastikament ir-rati ta’ ġbir u riċiklaġġ ta’ kontenituri tax-xorb li jintużaw darba fil-plastik, metall u ħġieġ.

Il-kumpanija attribwixxiet is-suċċess tal-iskema wkoll għall-aċċessibbiltà tat-tqegħid ta’ hubs pubbliċi madwar Malta u Għawdex, reverse vending machines (RVMs) fis-supermarkets, kif ukoll kollezzjonijiet manwali minn stabbilimenti tal-catering u ħwienet tal-bejgħ bl-imnut iżgħar fi bliet u rħula differenti.

Bit-tnedija tal-magni jumbo-sized għall-plastik PET li jibda din il-ġimgħa, in-numru totali ta’ magni mifruxa madwar Malta u Għawdex se jilħaq 348 matul ix-xhur tas-sajf.

Skont iċ-ċifri tal-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, 79% tal-plastik tal-PET imqiegħed fis-suq ġie rkuprat; 73% tal-bottijiet; u 74 fil-mija tal-ħġieġ li jfisser li t-tliet tipi ta’ materjal qed jinġabru b’suċċess b’rati għoljin.

Il-ġbir manwali kien jammonta għal 3,045,282 container (8.4%), bil-maġġoranza (73%) irkuprati minn stabbilimenti tal-catering u 27% mill-ħwienet tal-bejgħ bl-imnut.

Il-lokalitajiet fejn inġabru l-aktar kontenituri kienu dawk fir-reġjuni tat-Tramuntana u tal-Lvant segwiti mill-qrib mir-reġjun tan-Nofsinhar.

Ekonomija

Sport