Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek għall-football?
Nista’ ngħid li l-imħabba għall-futbol kienet minn dejjem fil-familja tiegħi għax missieri kien ukoll player mal-Mqabba. Minn meta kont ta’ etá żgħira bdejt nitrenja l-futbol u bqajt nilgħab sa anke ftit taż-żmien ilu f’kompetizzjonijiet 5-a-side u 7-a-side.
Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala president ta’ Mqabba FC
Ir-rwol ta’ president huwa vast ħafna. Nibda bir-responsabbilta tan-Nursery li fiha għandna tfal mill-iżgħar etá sal-adoloxxenti. Hemm imbagħad ir-responsabbilta tal-premises tal-club li din is-sena bdejna ħidma kbira biex intejbuhom. Hemm ukoll il-parti amministrattiva fejn flimkien mal-Kumitat kollu u l-kowċis, niddeċiedu li strateġija tat-tim f’dak li huma akkwist ta’ players u set-up tat-tim. Għandi wkoll ir-responsabbiltá li nara li l-klabb tagħna jkollu bażi finanzjarja soda.
X’taħseb li kien is-sigriet wara l-fatt li ksibtu l-promozzjoni għan-National Amateur League 1?
Din kienet l-ewwel sena fil-karriera tiegħi li nħtart president ta’ Mqabba Football Club u dħalt għal din il-kariga wara l-ħafna appelli li saruli biex nipprova nerġa’ nqajjem l-imħabba għat-tim tar-raħal tagħna fost l-Imqabbin. Bdejt billi saħħaħt il-Kumitat b’talent amministrattiv tajjeb li flimkien mal-esperjenza ta’ nies li diġa kienu jagħtu sehemhom lit-tim qabel, irnexxielna noħolqu struttura li setgħet tmexxi l-affarijiet ‘il quddiem. Ħdimna qatigħ biex ġbidna lejn it-tim tagħna plejers żgħażagħ, fil-parti l-kbira tagħhom Maltin li taw is-sehem sħiħ tagħhom biex wasalna fejn wasalna llum. Jidhirli li rnexxielna nerġgħu nqajmu l-entużjażmu tal-Imqabbin għat-tim tar-raħal tagħna u dan ukoll ikkontribwixxa biex it-tim jimxi ‘l quddiem.
X’tikkummenta fuq il-kowċ Claudio Calleja?
Il-kowċ Claudio Calleja sirt nafu fil-futbol u dejjem emmint fil-kapaċitajiet tiegħu. Hekk kif inħtart President, tkellimt mal-Kumitat u bgħatt għalih biex imexxi t-tim tagħna f’dan l-ewwel staġun tiegħi bħala President. Flimkien għamilna mira waħda, dik li naraw lit-tim tagħna joffri sfida qawwija fid-diviżjoni tagħna bil-għan aħħari li naraw it-tim tagħna promoss għad-diviżjoni li jmiss. Bl-għajnuna ta’ kulħadd u bl-għajnuna t’Alla, wasalna. Ta’ dan nirringrazzja bis-sħiħ lil Claudio!
U fuq it-team manager Louis Agius?
It-team manager Louis Agius huwa l-persuna li jien u sħabi tal-kumitat konna nitkellmu miegħu kuljum biex naraw flimkien kif nistgħu nkabbru u nirranġaw is-setup tat-tim b’tali mod li minkejja li konna fid-diviżjoni tan-National Amateur League 2, xorta waħda ridna narawh tim li jkollu ‘set-up’ li jixraq lill-futbol Malti, daqsli kieku konna f’diviżjoni aħjar. Lil Louis nirringrazzjah ukoll għaliex mill-ewwel ġurnata li dħalt fil-kariga, dejjem sibtu hemm ta’ spalla, dejjem iddiskutejna u dejjem wasalna biex niftehmu għal dak li ridna nwettqu għall-ġid tat-tim tagħna.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?
Nemmen li l-futbol Malti għadda minn żminijiet diffiċli u nħoss li fl-aħħar snin saru sforzi kbar mill-amministraturi tal-futbol Malti biex jiżdied l-appoġġ għat-timijiet kollha biex isir progress f’kull livell, f’kull diviżjoni.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilgħabu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Qegħdin naħdmu bil-għan li nkomplu ntejbu l-faċilitajiet li għandna, li għalkemm fil-preżent huma adekwati, nixtiequ li nkomplu ntejbuhom ħalli permezz tagħhom il-players tagħna, ibda min-Nursery sat-tim tal-kbar ikollhom l-aqwa faċilitajiet għat-taħriġ tagħhom. Ngħid ukoll li ċerti grawnds fejn lgħabna logħob kompetittiv jistgħu ikunu ta’ livell ferm aħjar milli huma.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Ngħidlek bla tlaqliq li s-sodisfazzjon kbir li tani dan l-ewwel staġun tiegħi bħala President ta’ Mqabba FC kien li erġajt rajt il-logħba tal-futbol tgħaqqad lill-Imqabbin b’entużjażmu għat-tim tar-raħal tagħna. Din kienet ix-xewqa tiegħi sa mill-bidu nett. Jekk jibqa’ jkolli l-fiduċja tal-membri tal-klabb se nkompli f’din it-triq għaliex l-għaqda fir-raħal tagħna hija għal qalbi wisq.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
L-ewwelnett għandna nagħmlu minn kollox biex inkomplu nkabbru l-imħabba għall-futbol fit-tfal tagħna sa mill-iċken eta possibbli u dan nistgħu nagħmluh jekk f’kull raħal fejn għandna timijiet tal-futbol, ikollna nurseries b’saħħithom li jagħtu l-aqwa taħriġ lit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna. Meta jkollna aktar żgħażagħ Maltin li sa minn ċkunithom ikunu trawmu f’dan li sport sabiħ, dawn għandhom jieħdu dan l-isport bl-akbar serjeta u dixxiplina magħhom infushom għax b’hekk ikunu qed jiggarantixxu li jagħmlu progress fil-karriera tagħhom.