Tuesday, May 6, 2025

Irnexxielna niksbu unur kbir li żgur mhux forsi se jibqa’ mnaqqax fl-istorja tal-klabb ta’ Pietá Hotspurs –  Reeves Cini

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba lejn il-futbol, forsi nista’ ngħid li qiegħda fid-demm. Jiena għandi lil missieri Reggie Cini li huwa eks goalkeeper tan-Nazzjonal Malti, u wkoll lil ħija Yannes Cini, u niftakarni missieri kien joħodni l-grawnd biex nara lil ħija jilgħab, għax lil missieri ma tantx ilħaqtu, ftit ilħaqt lil missieri jilgħab, u minn hemm bdiet din l-imħabba tiegħi lejn il-futbol.

U kif għażilt proprju r-rwol ta’ goalkeeper?

Għażilt l-irwol ta’ goalkeeper, ovvjament, l-istess ħaġa, għax xtaqt li nimxi fuq il-passi ta’ missieri u ta’ ħija wkoll, u minn dejjem kien l-irwol li xtaqt nikber fih u niġri wara l-ħolma tiegħi.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala goalkeeper ta’ Pietà Hotspurs FC.

L-esperjenza tiegħi bħala goalkeeper tal-Pietà Hotspurs hija xi ħaġa li għalija hi ħaġa kbira. Bdejt mill-akkademja, bqajt tiela’ l-akkademja kollha, jiġifieri l-Youth Development kollu, sal-Under 17, fejn imbagħad iċċaqlaqt, u wara nuqqas ta’ sentejn mal-Pietà erġajt irritornajt wara li wrew interess fija biex nidħol fit-tim tal-kbar, u rnexxieli, u issa din hija r-raba’ sena tiegħi ma’ Pietà Hotspurs fis-Senior Squad.

X’taħseb li kien is-sgriet wara s-suċċess tar-rebħ tal-BOV Challenge Cup minn Pietá Hotspurs FC, fil-jiem li għaddew?

Bla kliem, għax jien għalija din hija ħolma. Dawn l-aħħar snin ma kinxu snin faċli għalija … kelli niġġieled kontra l-kuntrarju kollu kif jgħid il-Malti imma dejjem baxxejt rasi u ħdimt u stinkajt ħafna u għall-grazzja t’Alla bis-saħħa ta’ sħabi l-plejers, il-klabb ta’ Pietá, l-istaff tekniku kollu irnexxielna niksbu unur kbir li żgur mhux forsi se jibqa’ mnaqqax fl-istorja tal-klabb ta’ Pietá. Nemmen li dan il-klabb ħaqqu iktar milli ħaqqu. Permezz ta’ dun il-kisba, tajna isem ġdid lill-klabb tagħna u nemmen li ħa nipu aktar rispettati wara dan kollu.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Naħseb li l-livell tal-futbol Malti żdied. Sfortunatament naħseb li l-livell żdied mhux min-naħa tal-Maltin, imma minħabba ħafna plejers barranin li qed jiġu minn barra, speċjalmment fil-Premiere League. Il-livell żdied bħalma qed juri, u hija xi ħaġa tassew sabiħa li tara li l-livell tal-futbol Malti huwa issa ogħla.

U l-livell tar-riżorsi (grawnds) fejn tilagħbu l-logħob tagħkom?

Dwar riżorsi ta’ grawnds fejn nilagħbu aħna nilagħbu ġewwa s-Centenary Stadium u ġewwa l-Ħamrun, Victor Tedesco Stadium, ovvjament Victor Tedesco Stadium għadu kemm jiġi rinovat, li naħseb li kien investiment tajjeb ħafna, bdil tat-turf eżempju, xi ħaġa sabiħa għalina wkoll għax tieħu gost tilgħab fi grawnd hekk, u s-Centenary Stadium ovvjament huwa naħseb grawnd mill-aqwa. Għalhekk naħseb li l-livelli tal-grawnds bħalissa jinsabu mill-aħjar.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jilgħab il-futbol.

Messaġġ finali għal min jixtieq jibda jilgħab il-futbol huwa li ovvjament mhux faċli li tibni karriera. Il-karriera hija twila, imma l-messaġġ tiegħi huwa li biex tasal fejn tixtieq trid tiġġieled għal dak li trid, u ma tħalli xejn iwaqqfek u xejn ifixklek, għax il-futbol mhuwiex sempliċiment futbol, imma huwa wkoll bħal mediċina għal kulħadd, għax iżommok ’il bogħod mill-ħażen li hawn illum fil-ħajja. Iġri wara l-ħolm tiegħek u agħmel kuraġġ għax il-futbol, ngħid għalija personali huwa ħajti!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport