Thursday, October 10, 2024

“Irrealizzajt kemm il-ħajja hija fraġli u prezzjuża”

Aqra wkoll

It-tfajla ta’ Karl Pace tgħid li l-ħajja u l-mewt tiegħu se jkomplu jħallu impatt f’ħaddieħor

F’messaġġ mimli emozzjoni, Alexandra Cachia, li kienet ilha taf lil Karl Pace għal diversi snin u kienu f’relazzjoni flimkien, qalet li kien tassew ta’ privileġġ li fil-ħajja tagħha setgħet taqsam ħin flimkien miegħu, fejn mhux talli sostniet li xi kultant kienet tħoss li kien iħobbha aktar milli tħobb lilha nnifisha, iżda wkoll temmen li kemm il-ħajja kif ukoll il-mewta traġika tiegħu se jkomplu jħallu impatt f’ħaddiehor.

Karl Pace kien ilu diversi ġimgħat rikoverat l-Isptar wara li f’Ġunju kien involut f’inċident fejn nirien ħakbu diversi dgħajjes, f’Għawdex. Sfortunatament huwa kien jinsab ġewwa d-dgħajsa tiegħu u sofra 60% ħruq f’ġismu. Ftit tal-jiem ilu huwa ħalla din id-dinja u ndifen fil-post tant għal qalbu, fil-baħar. Bosta ħbieb iddeskrivewh bħala bniedem tassew b’qalbu tajba u li kien iħobb is-sempliċità.

Permezz ta’ post fuq Facebook, Alexandra qalet, “Qatt ma taħseb li xi ħaġa bħal din se tiġri lilek jew lil xi ħadd li tħobb. Kont nassumi li dawn l-affarijiet kienu jiġru fil-films. Huwa tassew surreali u għad għandi mumenti fejn ma nkunx nista’ nifhem li mhux se tkun ħdejja aktar,” filwaqt li żiedet tgħid li dan l-aħħar żmien kien tassew wieħed mill-aktar esperjenzi diffiċli f’ħajjitha. 

“Irrealizzajt kemm il-ħajja hija fraġli u prezzjuża. Kont tassew grata li ngħix miegħek u naqsmu s-sbuħija tas-sempliċità li tant kont tħobb. Kont inħobb il-ħajja tagħna flimkien, it-tisjir, nieklu xi ħaġa flimkien, il-mixjiet, inżul ix-xemx, fost oħrajn. Karl int kont bniedem tassew impekkabbli…. Int ispirajt u missejt il-ħajja ta’ ħafna. Grazzi talli għallimtni nieqaf u nieħu gost bil-mument preżenti. Grazzi talli għallimtni nkun grata għall-aktar affarijiet bażiċi fil-ħajja. Grazzi ta’ dak kollu li qsamt mal-oħrajn u mad-dinja. Kemm il-ħajja kif ukoll il-mewt tiegħek se jkomplu joħolqu impatt f’ħaddiehor. Grazzi tal-paċenzja u tal-imħabba inkondizzjonata li tajtni,” kitbet Alexandra.

Sport