Wednesday, October 1, 2025

Irreġistrati 25 stabbiliment tal-grooming 

Aqra wkoll

Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, ħabbret li s’issa hemm 25 pet groomer irreġistrati mad-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali, skont ir-Regolamenti tal-2024 dwar Standards għall-Operat ta’ Stabbilimenti tal-Grooming ta’ Annimali Domestiċi. Il-leġiżlazzjoni u l-linji gwida l-ġodda ġew maħsuba biex jassiguraw li kull groomer jaħdem f’kundizzjonijiet li jħarsu l-benesseri tal-annimali u jagħtu serħan il-moħħ lis-sidien tagħhom. 

“Huwa kruċjali li nkomplu npoġġu l-benesseri tal-annimali bħala prijorità. Dawn ir-regolamenti jagħtu serħan il-moħħ lis-sidien tal-annimali, filwaqt li jsaħħu l-professjoni tal-grooming u jassiguraw li kull annimal jirċievi kura sigura u professjonali. Dan pass importanti ’l quddiem biex intejbu l-istandards u nkunu ċerti li l-annimali tagħna jkunu f’idejn nies imħarrġa u operati skont il-liġi,” spjegat is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said. 

Hija ħeġġet lil dawk kollha li għadhom ma rreġistrawx biex jagħmlu dan mill-aktar fis. Hija rringrazzjat lill-ħaddiema tad-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali u fakkret li għaddej proċess simili fir-rigward ta’ pet sitters. 

Faċilitajiet siguri u nodfa  mmexxija minn persuni  kwalifikati u liċenzjati

Min-naħa tiegħu, l-Uffiċjal Veterinarju Tekniku Ewlieni tal-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali, Joe Zammit, spjega li dawn ir-regolamenti jistabbilixxu standards legali għall-istabbilimenti kummerċjali kollha tal-grooming ta’ annimali domestiċi.

Kompla li l-għan ewlieni huwa li jiġi żgurat l-benesseri tal-annimali billi l-faċilitajiet ikunu siguri, nodfa u l-persuni jkunu kwalifikati u liċenzjati. B’mod partikolari, ir-regolamenti jirrikjedu li l-groomers ikollhom liċenzja professjonali u li l-istabbilimenti jimplimentaw programm addattat dwar il-kontroll tas-saħħa tal-annimali kif ukoll iżommu u jissottomettu tali rekords għal spezzjonijiet annwali. 

“L-infurzar ta’ dawn ir-regolamenti huwa mmirat li jipprofessjonalizza l-industrija u jibni fiduċja fost is-sidien tal-annimali domestiċi. Permezz ta’ proċess, id-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali sa issa rreġistra 25 stabbiliment li ġew iċċertifikati konformi ma’ dawn l-istandards,” temm jgħid Joe Zammit. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport