Sunday, December 22, 2024

Irrejdjati l-uffiċini tar-referees b’konnessjoni ma’ Barcelona

Aqra wkoll

Il-pulizija Spanjola għamlet rejd fl- uffiċċini tal-kumitat tar-referees bħala parti minn investigazzjoni dwar l-allegati pagamenti illegali tal-club ta’ Barcelona lil uffiċjali tal-logħba. 

Il-Katalani qed jiffaċċjaw akkużi ta’ korruzzjoni fuq ħlasijiet li saru lil Jose Maria Enriquez Negreira, eks-viċi-president tal- kumitat, bi tpattija għal deċiżjonijiet fa­vorevoli tal-kontroll ta’ partiti partiko­lari.

Il-UEFA qed tinvestiga wkoll din  il- kwistjoni. Iżda min-naħa tagħhom, Barcelona  ċaħdu bil-qawwa kollha kull aġir ħażin u ma saru l-ebda arresti waqt it-tfit­txija li saret f’Madrid. 

Il-Gwardja Ċivili Spanjola għamlet tfittxija intensiva fil-kwartieri ġenerali tal-Kumitat Tekniku tar-Referees (CTA) Spanjol.

Min-naħa tiegħu, l-Imħallef li qed jippresiedi l-każ talab dokumentazzjoni mis-CTA. Dan ma ntbagħatx bil-konsegwenza li ġie ordnat dan ir-rejd. 

L-investigazzjoni kriminali inizjali tressqet mill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku ta’ Barċellona f’Marzu, bil-korp go­vernattiv tal-football Ewropew, il-UEFA tniedi l-investigazzjoni tagħha stess ftit wara.

Huwa allegat li Barcelona ħallsu €8.4 miljuni lil Negreira u l-kumpanija tiegħu Dasnil 95.

Inizjalment il-ħlasijiet ġew investigati bħala parti minn stħarriġ tat-taxxa fil- kumpanija mmexxija minn Negreira.

Barcelona għamlu ħlasijiet lill-kum­panija li jammontaw għal €1.4 miljuni rrap­purtati bejn l-2016 u l-2018, u ħallsu lil Negreira madwar €7 miljuni bejn l-2001 u l-2018, is-sena li ħalla l-irwol tiegħu mal-kumitat tar-referees.

Barcelona rrikonoxxew li kienu ħallsu lil Dasnil 95, li ddeskriviet bħala “konsulent tekniku estern”, biex jiġbor rapporti bil-video dwar ir-referees “bil-għan li jikkumplimenta l-informazzjoni meħtieġa mill-persunal tal-coaches”.

F’Lulju li għadda, b’mod proviżorju l-UEFA ħalliet lil Barcelona jikkompetu fil-UEFA Champions League  waqt li l-investigazzjoni tagħha għadha għaddejja.

Ekonomija

Sport