Sunday, October 27, 2024

Irrevokat l-permess għal bini ta’ lukanda fir-Rabat …  issir talba għal studji ġodda

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

F’appell li sar mill-għaqdiet mhux governattivi “Din l-Art Ħelwa”, “Moviment Graffiti” u s-“Soċjetà Arkeoloġika” kif ukoll minn persuni oħra, ġie revokat permess ta’ bini ta’ lukanda ta’ ħames stilel fit-Telgħa tas-Saqqajja, fir-Rabat. L-iżvilupp ta’ boutique hotel b’81 kamra tas-sodda kien se jsir fis-sit fejn kien hemm it-Tattingers u bini ieħor biswit. 

F’seduta li saret din il-ġimgħa, it-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar irrevoka dan il-permess u talab li jsir rapport mill-ġdid min-naħa tal-uffiċjal tal-każ. Ir-revoka saret wara li l-istess Tribunal sab li l-permess ħareġ qabel saru l-istudji ġeoloġiċi tant li issa talab li jsiru studji ġodda li jiffokaw fuq l-impatt ġeoloġiku ta’ dan l-iżvilupp. 

L-istudji tal-impatt mitluba huma dwar l-impatt li se jkun hemm meta jsir skavar ta’ żewġ mini taħt l-art li minnhom jgħaddu n-nies li jipparkjaw fil-parkeġġ fil-parti ta’ fuq tat-Triq it-Tiġrija u l-lukanda. It-Tribunal talab ukoll li jiġi sottomess pjan iddettaljat dwar xogħlijiet ta’ restawr ta’ ħajt fis-sit u talab lill-iżviluppaturi biex ineħħu kull referenza għal ġibjun li hemm indikat fil-pjan. Dan għall-fatt li l-ġibjun għadu ma ġiex ikkonfermat.

It-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar saħaq fuq il-bżonn li d-disinn tal-lukanda l-ġdida jkun jixraq aktar liż-żona u għal aktar konsultazzjoni mal-kumitat li jagħti pariri dwar id-disinn u li jilqa’ wkoll is-sottomissjonijiet ta’ terzi.

Oriġinarjament l-Awtorità tal-Ippjanar kienet approvat il-permess bil-kundizzjoni li wara t-twaqqigħ tal-bini eżistenti jsiru l-istudji arkeoloġiċi u ġeoloġiċi. Hija kienet imponiet ukoll garanzija bankarja ta’ €50,000 biex tassigura li ma jsir ebda skavar qabel ma jitlestew l-istudji.

Sport