Saturday, October 26, 2024

“Irrid li nwettaq politika li tkun rilevanti għan-nies”

Aqra wkoll

Dr Chris Bonett, Kandidat f’isem il-Partit Laburista fuq ir-4 u t-8 Distrett

Dr Chris Bonett, nafuh fil-politika fil-passat bħala Sindku, imbagħad qata’ ftit u issa reġa’ rritorna bil-kandidatura tiegħu għall-elezzjoni ġenerali mal-Partit Laburista fuq ir-raba’ distrett. Għalfejn ħass li kellu jagħmel dan il-pass issa?

Fi kliemu: “Jien ilni minn età żgħira nimmillita fil-Partit Laburista. Minn dejjem ħabbejt il-politika. Sa minn età żgħira kont nieħu gost ma’ missieri nisma’ l-cassettes tal-Perit Mintoff. Għamilt żmien ukoll president tal-Għaqda Studenteska Pulse biex imbagħad fl-età ta’ 25 sena ġejt elett Sindku. Imbagħad kelli esperjenzi f’karigi għoljin fil-kamp sportiv. Madankollu, dejjem bqajt insegwi l-politika.”

Imbagħad ftit wara li ġie elett Robert Abela bħala Mexxej Laburista u Prim Ministru ta’ Malta, sejjaħli biex nikkontesta l-elezzjoni ġenerali f’isem il-Partit Laburista. Ma kinitx deċiżjoni faċli imma ma domtx biex ħadt id-deċiżjoni. Kont konvint li rrid nieħu dan il-pass u wara li kkonsultajt ma’ marti Maxilene ikkonfermajtlu l-kandidatura tiegħi.

Għandi 40 sena u nemmen li huwa l-mument opportun biex nibda nservi fil-politika. Iddeċidejt b’mod naturali li nikkontesta fuq ir-raba’ distrett peress li midħla ħafna tal-lokalitajiet ta’ Raħal Ġdid, Tarxien, Fgura, Santa Luċija u Gudja. Għaqqadt grupp ta’ nies tal-fiduċja tiegħi biex jgħinuni fil-kampanja tiegħi li hija bbażata fuq ‘politika għan-nies.’ 

Tlabna lil Dr Bonett xi jfisser dan is-slogan ‘politika għan-nies’.

Jien dħalt fil-politika biex inservi u rrid li nwettaq politika li tkun rilevanti għan-nies. Dan nista’ nwettqu billi nkun viċin in-nies, niltaqa’ magħhom u nismagħhom biex nifhem aħjar fejn irridu nieħdu lil dan il-pajjiż. Irridu nfasslu politika li fil-ġejjieni nħallu pajjiż aħjar lil uliedna. Il-politika tinbidel maż-żminijiet u jien irrid inkun il-vuċi tal-poplu biex noħloq politika rilevanti għal-lum u għal għada.

Dan kollu qiegħed nagħmlu billi ta’ kuljum ndur il-familji fid-djar tagħhom u nattendi okkażjonijiet tal-lokalitajiet rispettivi u niltaqa’ mal-kostitwenti. Jien nuża dan il-hin billi nisma’ ħafna, inwassal il-messaġġ tal-Partit u ta’ Robert Abela filwaqt li ngħin fejn nista’ biex insolvi l-ilmenti li jwassluli r-residenti.”

U x’inhuma l-akbar sfidi li jitkellmu fuqhom in-nies?

“Indunajt li b’mod inġenerali, in-nies m’għadhomx iwasslu l-istess tip ta’ karbiet li kienu jwassluli bħal fi żmien meta kont Sindku jien taħt amministrazzjoni nazzjonalista. Dak iż-żmien in-nies kienu jilmentaw l-aktar fuq il-kontijiet tad-dawl u li mhux ilaħħqu mal-ħajja. Oħrajn kienu jitolbu xogħol full time u part time biex ilaħħqu mal-esiġenzi tal-familja. Illum għall-grazzja t’Alla, fil-maġġoranza tan-nies jgħixu kwalità ta’ ħajja ħafna aħjar minn dak iż-żmien. Illum in-nies ikellmuni l-aktar fuq l-edukazzjoni ta’ wliedhom, fuq ambjent iktar aħdar u spazji miftuħa u spazji limitati ta’ parkeġġ. Dawn li qed insemmi huma l-iktar suġġerimenti popolari. 

Numru kbir ta’ nies, jinsabu grati lejn il-ħidma tal-Gvern speċjalment f’dan iż-żmien tal-pandemija. Il-poplu jirrikonoxxi li kien żmien diffiċli u kien faċli għall-Gvern li jgħolli t-taxxi biex jagħmel tajjeb għat-telf li seta’ kellna fi żmien il-pandemija. Bħalma jaf kulħadd dan il-Gvern daħal hu għall-piż u salvajna mitt elf impjieg. Illum għandna l-inqas rata ta’ qagħad fl-istorja ta’ pajjiżna.

Ma rridx ngħid li kollox ward u żahar. Iltqajt ma’ familji li jkunu qegħdin isofru minħabba mard, vizzji jew xi problemi oħra li ċ-ċirkustanzi jkunu diffiċli ħafna. Anke hawnhekk, dan il-Gvern ħadem ħafna fuq riformi fil-qasam soċjali biex itejjeb il-kwalita’ ta’ ħajjet dawn in-nies imma għad fadal x’isir u dan li ser inkunu qed inwettqu fiż-żmien li ġej.

Fil-kitbiet u d-diskorsi tiegħu, Dr Bonett, jenfasizza ħafna fuq il-prinċipji soċjalisti li għandu jħaddan il-Partit Laburista. Kemm ghadu validu dan it-twemmin politiku?

Il-kelma soċjalizmu forsi nqagħtet xi ftit f’dawn l-aħħar snin imma jekk inħarsu lura lejn il-kisbiet li għamel Gvern Laburista mill-ewwel tinduna li f’kull riforma li wettaqna konna b’ruħ socjali fejn min l-iktar li kellu bżonn ġie megħjun. Is-soċjaliżmu li l-bażi tiegħu hija msejsa fuq il-pilastru tas-solidarjeta’. 

Minn mindu tela’ l-Partit Laburista fil-Gvern taħt Joseph Muscat u anke issa taħt Robert Abela wettaqna riformi biex il-ġid li ġġenerajna jitqassam u jinħass f’kull faxxa tas-soċjeta’. Dan il-Gvern irnexxielu jgħaqqad lin-negozjant mal-ħaddiem u fehemhom li biex jirnexxu jridu jaħdmu flimkien. It-tnejn ġew megħjuna u t-tnejn gawdew. Meta affaċċjati bil-pandemija li heżżet lid-dinja, dan il-Gvern daħal għall-piż u wennes lin-negozji biex jibqgħu għaddejjin. Il-pensjonijiet baqgħu jiżdiedu kull sena. Riformi fil-kera u fl-akkomodazzjoni soċjali. Eżamijiet tal-Matsec b’xejn. Tajna ċ-child care b’xejn biex iffaċilitajna li ż-żewġ ġenituri jkunu jistgħu joħorġu jaħdmu. Żidna l-formolarju tal-mediċini b’xejn. Diversi għajnuniet immirati lejn il-persuni b’diżabilità. Qassamna l-vouchers, u ħabbarna l-aktar budget socjali ta’ kull żmien. Lista li ma tispiċċa qatt f’oqsma differenti imma li kollha għandhom twemmin soċjalista. 

Għalhekk nemmen fil-prinċipji soċjalisti u nitkellem dwarhom. Dan il-Partit sa mill-bidu nett tiegħu dejjem ħaddan dan it-twemmin u għandna nżommu dawn il-valuri ħajjin anke llum il-ġurnata.

Issa li tħabbret l-Elezzjoni Ġenerali għas-26 ta’ Marzu, x’inhuwa l-messaġġ li Dr Bonett irid iwassal lill-elettorat Malti?

Dr Bonett qal: “fl-aħħar waslet l-elezzjoni, imma se ssir meta huwa fl-interess tal-pajjiż. Kif spjega tajjeb il-Prim Ministru il-prijorità tagħna ma kinitx li tissejjaħ l-elezzjoni imma li ntejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies. Fi żmien il-pandemija riedna nassiguraw li kulħadd jingħata l-aqwa kura għas-saħħa. Fl-istess waqt riedna nsibu bilanċ sabiex l-ekonomija tibqa’ għaddejja u kulħadd jaqla’ l-għajxien tiegħu.

“Fis-26 ta’ Marzu, il-poplu ser jagħmel għażla bejn Gvern iffukat bi pjan li jaf fejn irid jasal jew oppożizzjoni mwaħħla fil-passat, maqtugħa mir-realtà li moħħha biss fin-negattivitá u qtigħ il-qalb.

“Aħna mill-ewwel ġurnata urejna kemm aħna ppreparati għall-elezzjoni. Sħabi u jien, mill-kbir saż-żgħir fil-Partit Laburista ninsabu magħqudin wara Robert Abela. Il-Prim Ministru diġà ta spjegazzjoni tal-prinċipji ewlenin tal-manifest elettorali li huwa wieħed pożittiv ħafna intiż biex jibqa’ jkattar il-ġid. 

“Il-Partit Nazzjonalista mill-banda l-oħra beda billi jbigħ il-maduma u fl-ewwel ġurnata tal-kampanja elettorali, daqqew l-irtirata erba’ membri parlamentari li ħabbru li mhux ser jikkontestaw l-elezzjoni ġenerali. Dawn lanqas fil-mument ta’ elezzjoni ma kienu kapaċi jingħaqdu. Ilhom tul il-leġislatura kollha jiġġieldu u jtajru l-irjus. Għaldaqstant, iktar moħħhom fihom infushom u l-aġendi personali tagħhom milli jiffukaw fuq l-aġenda tal-pajjiż.

“Għalhekk il-poplu Malti ma jistax jirriskja li ma jkollux lil Robert Abela bħala l-Prim Ministru ta’ pajjiżna biex ikompli jmexxina u jwettaq il-viżjoni tiegħu. Min mhux kapaċi jieħu ħsieb daru, ma jistax ikun Gvern alternattiv u jmexxi pajjiż!”

Dr Bonett ilu ħafna tiltaqa’ man-nies u jaħdem fir-raba’ u t-tmien distrett. Iżda bħalissa jkun impenjat iktar waqt il-Kampanja Elettorali. Jipprova ssib bilanċ bejn il-politika u l-familja?

“Bħalissa nagħmel din l-istess mistoqsija lili nnifsi kuljum. Jien għandi żewġt itfal żgħar u bhalissa nammetti li mn’alla tkun marti li tqatta’ ħafna ħin magħhom u tara li ma jonqoshom xejn. Fir-rutina normali jien ukoll nagħti sehemi u naraw kif inqassmu l-irwoli bejnietna. Nieħu pjaċir inqatta’ ħin ta’ kwalità mal-familja u mat-tfal nilagħbu u nsegwu xi logħba futbol fuq it-televixin. Bħalissa, daqsxejn iktar limitat imma xorta waħda nagħmel ħilti biex insib il-bilanċ u nqatta’ ftit ħin imma prezzjuż ma’ marti u ż-żewġt uliedi.”

Sport