Saturday, November 23, 2024

“Irrid nagħmel id-differenza u jekk nista’ nagħmel aktar ġid lin-nies”

Aqra wkoll

Amanda Spiteri Grech – Kandidata f’isem il-Partit Laburista fuq it-Tieni u r-Raba’ Distrett

Kienet tgħallem fl-iskejjel statali għal aktar minn 17-il sena. Magħrufa wkoll fil-qasam tax-xandir fejn kienet taqra l-aħbarijiet tal-istazzjon ONE għal numru ta’ snin. Illum il-ġurnata tħaddan ix-xogħol ta’ avukat sabiex tkompli bil-missjoni tagħha li tkun qrib in-nies, fatt li hu ferm għal qalbha. 

Din hi Amanda Spiteri Grech li se tkun kandidata mal-Partit Laburista fl-elezzjoni li ġejja fit-tieni u r-raba’ distrett. Hi tgħidilna li kif il-Prim Ministru Dr Robert Abela talabha sabiex toħroġ bħala kandidata ma’ dan il-partit tant għal qalbha, ma ħasbithiex darbtejn minħabba li hekk tkun tista’ tkompli l-ħidma tagħha man-nies.

“Jien inħoss li wara numru ta’ snin fil-qasam tax-xandir, bħala għalliema ta’ diversi tfal li llum saru rġiel u nisa u issa fix-xogħol ta’ avukat, dan kellu jkun il-pass naturali li jmiss. Jien weġibt għas-sejħa tal-Prim Ministru b’entużjażmu. Ili naħdem fl-istrutturi tal-Partit Laburista għal aktar minn għoxrin sena. Issa xogħli hu li nipprova nagħmel aktar ġid lill-komunità. Fuq kollox id-direzzjoni tagħna hi dik li nkomplu ninvestu fin-nies kif ukoll ninvestu f’Malta. B’hekk biss nistgħu nkomplu niġġeddu. ”

Insaqsi lil Amanda Spiteri Grech dwar ir-rwol tan-nisa fis-soċjetà kif ukoll fil-politika. Hi tgħid li l-Partit Laburista minn dejjem kien fuq quddiem biex jippromwovi aktar nisa jingħaqdu miegħu u dawn huma kisbiet ferm importanti. Minkejja kollox, il-viżjoni ta’ Spiteri Grech tmur lil hinn minn hekk.

“Jien nemmen li l-pass li jmiss irid ikun li s-soċjetà jew il-pajjiż inġenerali iħares lejn l-individwu aktar milli jekk intix mara jew raġel. Xi kultant inħoss li l-bniet huma xi ftit żvantaġġati minħabba li bħal qisu s-soċjetà tiddeterminalhom kif u x’għandhom ikunu. Jiena nħares l-iktar lejn il-kapaċità aktar milli lejn il-ġeneru tal-persuna.”

Kif għedt ftit qabel, Amanda Spiteri Grech hi eks-edukatriċi. Madankollu minkejja li m’għadhiex tħaddan din il-professjoni, hi stess tammetti li għalliema tibqa’ tul ħajjitha kollha. Dan minħabba li temmen li l-edukazzjoni hi ċ-ċavetta tas-suċċess. Ma rridux inħarsu biss lejn il-kwalifiki u l-eżamijiet iżda lejn il-persuna b’mod ħolistiku. Jekk dan kollu jsir realtà, it-tfal tal-lum jikbru u jkunu jistgħu jimirħu aktar lejn xogħlijiet li jinteressahom filwaqt li bħala gvern irridu nimxu id f’id mal-industriji lokali li għandhom bżonn ħaddiema kapaċi u b’entużjażmu kbir.

Hi temmen li sar ħafna ġid fil-passat mill-edukaturi Maltin u dan għen sabiex illum il-ġurnata għandna ħaddiema kapaċi jagħmlu id-differenza fl-industriji li qed jaħdmu magħhom.

Insaqsi lil Amanda Spiteri Grech ir-raġuni għala ħarġet fit-tieni u r-raba’ distrett għall-Partit Laburista.

“Kif ħafna jafu, jien mill-Fgura, trabbejt hemmhekk għal aktar minn 40 sena u nħossni marbuta ħafna ma’ dan il-post. Il-Fgura hu post modern b’ħafna potenzjal. Jien ixxurtjata li kont parti minn grupp tat-tfal li twieldu f’dan ir-raħal minħabba li l-ġenituri tagħna kienu jgħixu f’post ieħor qabel ma ġew joqogħdu hawn. Rajt il-Fgura tikber, tiżviluppa u fuq kollox tikseb identità u għalhekk li nibqa’ ngħożż l-esperjenzi kollha li għaddejt minnhom hawnhekk.”

“Kien għalhekk li ddeċidejt li noħroġ fuq it-tieni u r-raba’ distrett minħabba li l-Fgura għandha parti minnha tagħmel ma’ distrett u parti oħra ma’ ieħor. Irrid nagħmel id-differenza u jekk nista’ nagħmel  aktar ġid lin-nies. Lesta li nkompli nkun viċin in-nies sabiex nara li naqdi l-ħtiġijiet tagħhom li jinqalgħu minn żmien għal żmien. ”

Iżda x’taħseb dwar is-soċjetà Maltija b’mod partikolari l-familja?

Hi tgħid li l-familja hi valur ferm importanti għas-soċjeta’ tagħna. Familja b’saħħitha tfisser soċjeta’ b’saħħitha. Żiedet tgħid li meta ngħidu familja, m’hemmx distinzjoni min għandu t-tfal jew le iżda għal grupp ta’ individwi li jgħixu flimkien. 

Amanda Spiteri Grech temmen li f’Malta l-familja hi ferm għal qalb is-soċjeta’ preżenti u dan jassigura futur sabiħ. L-appell tagħha hu li rridu nindokraw aktar il-familja għax din hi l-benniena tas-soċjetà tagħna.

Iżda l-mistoqsija naturali li ġietni f’moħħi hi kif Amanda Spiteri Grech jirnexxielha tlaħħaq max-xogħol u l-familja.

“L-ewwel u qabel kollox nemmen ħafna fil-valur tal-familja. Nemmen li għandu jkollok bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja. Għalkemm ngħidu dan kollu mhux lakemm taqbad u tattwah kif ġieb u laħaq. Irid ikun hemm proċess fejn int tfassal il-ġurnata mill-aħjar li tista’ sabiex tlaħħaq ma’ dak kollu li jkun ippjanat.”

“Minkejja kollox, jien għandi ħin partikolari waranofsinhar fejn niddedikah kollu kemm hu għat-tfal tiegħi biex nkun magħhom kif jaslu mill-iskola u niddiskutu xi jkun ġara matul il-jum u għal dak li jkollhom bżonn.”

Iżda kif tara lilha nnifisha Amanda Spiteri Grech minn hawn u għaxar snin oħra?

Hi qalet li minkejja li hi bniedma li tippjana mhux biss għalissa iżda wkoll fit-tul, diffiċli tmur ‘il bogħod.

“Minkejja li nħobb nippjana fit-tul, ma nistax inkun riġida daqshekk meta niġu għal tul ta’ żmien bħalma huma għaxar snin. Jien nemmen li ma’ kull esperjenza li tgħaddi minnha bħala bniedem, jinħolqu opportunitajiet ġodda. Għalhekk il-flessibbiltà hi importanti f’dan ir-rigward.”

Finalment xtaqt li Amanda Spiteri Grech twassal messaġġ:“Il-messaġġ tiegħi hu sempliċi. Importanti li naħdmu fl-għaqda għax jekk niġbdu ħabel wieħed, kapaċi nagħmlu affarijiet kbar filwaqt li l-ebda għawġ ma jkun jista’ jxekkel il-ħidma kollettiva li tkun saret.”

“Messaġġ ieħor nixtieq ngħaddih lin-nisa. Importanti li n-nisa jikkontribwixxu aktar għas-soċjetà u fuq kollox jinvolvu ruħhom aktar fil-politika sabiex jagħmlu l-ġid.”

Sport