Monday, July 7, 2025

‘Irrid nagħmel id-dover tiegħi ta’ president kif jixraq lill-klabb u nagħmel ħilti biex l-isem ta’ Dingli Swallows FC intellgħu ‘l fuq’ – Pierre Miceli

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol Malti tmur lura fis-snin mhux ħażin. Tista’ tgħid li minn etá żgħira kont inkun dejjem il-grawnd, dak iż-żmien il-Gżira, nara lil ħija Raymond jilgħab fejn kien mal-Kalkara United u ma’ diversi klabbs oħra.

Nista’ ngħid ukoll li missieri fis-snin 70 kien president tal-istess klabb.

Jien kont ukoll nilgħab bħala goalkeeper u kont ma’ diversi klabbs, fosthom Kalkara United, Vittoriosa Stars, Zebbug Rangers u St George’s.

Bdejt nikkowċja wkoll l-etajiet tan-nursery kollha, fejn mal-Under 15 ksibt promozjoni minn Sezzjoni D għal Sezzjoni C u bħala Assistant Coach mal-Under 17 minn Sezzjoni D għal Sezzjoni C.

Kont ukoll kowċ għal diversi snin tal-Minors ukoll u tas-Seniors. Wara kont ġejt avviċinat biex nidħol fil-kumitat ta’ Marsaskala u kont Assistent Segretarju u wara ftit xhur ħadt it-tmun ta’ Marsaskala FC bħala president.

Domt seba’ snin president u l-klabb inbidel ta’ taħt fuq, fosthom bi grawnd ġdid, promozzjonijiet mit-Tielet Diviżjoni għat-Tieni Diviżjoni u għall-Ewwel Diviżjoni għal din tal-aħħar li kienet promozzjoni storika għall-klabb żgħir bħal dak. Dispjaċir żgħir li wara staġun it-tim kellu jaqa’ għat-Tieni Diviżjoni billi t-tim ġie s-sitt post mill-aħħar.

Peró, dak kien perjodu sabiħ ħafna, seba’ snin ta’ iktar ferħ u affarijiet pożittivi ħafna.

Kelli esperjenza sabiħa fejn iltqajt ma’ kull klabb f’Malta u kull assoċjazzjoni fejn jien bdejt kampanja għall-viċi-president tal-MFA. Stennejt aħjar, imma għalija personali kienet pożittiva u tgħallimt ħafna minn din l-esperjenza.

Issa mill-istaġun li għadda bdejt xi ħaġa ġdida. Dingli Swallows FC, klabb li għandu storja saħansitra fil-Malta Premier, imma li llum huwa klabb tat-Tielet Diviżjoni, bi ftit riżorsi imma b’nies pożittivi u lesti li jaħdmu.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala president ta’ Dingli Swallows FC.

Fil-11 ta’ Ġunju 2025 waqt l-AGM tal-klabb jien ġejt elett biex minn dan l-istaġun inkun il-president il-ġdid ta’ dan il-klabb. Minn hawn nixtieq ngħid grazzi kbira lis- Sur Joseph Cuschieri eks president talli mill-ewwel ġurnata wera fiduċja assoluta fija u li xorta baqa’ jgħin lill-klabb.

Din se tkun esperjenza ġdida għalija, totalment differenti minn fejn kont. F’dan il- klabb tista’ tgħid li hawn kollox: każin, grawnd attrezzat b’kollox, gym, sitt dressing rooms u miżmun tajjeb ħafna grazzi għas-Sur Paul Mamo li huwa membru tal-kumitat u jieħu ħsieb ukoll il-grawnd.

Miegħi se jkolli grupp ta’ nies li se jgħinuni biex dan il-klabb nagħtih identitá ġdida b’mentalitá rebbieħa u fl-aħħar mill-aħħar ikun magħqud minn kull aspett.

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul l-istaġun li għadda?

Mill-istaġun li għadda bdejt naħdem flimkien mal-kowċ Nicolai Caruana biex nibnu tim żgħir u magħhom indaħħlu plejers b’esperjenza u b’hekk inkunu qed naħdmu għal żewġ staġuni, dak li għadda u dan li ġej. Infatti nista’ ngħid li wara snin twal dan il-klabb ma qgħadtx jiġġieled biex ma jiġix ma’ tal-aħħar u saħansitra konna qrib biex immorru għall-play-offs u t-tim spiċċa fil-ħames post.

Ta’ min jinnota li kien hemm logħbiet fejn xi plejers tal-Minors u wkoll Under 17s kienu qed ikunu parti mill-iskwadra ewlenija.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Jien ma naħsibx li l-livel tal-futbol Malti nbidel … jien ngħid li l-plejers Maltin inbidlu u se jkomplu jinbidlu. Għaliex?

Jien fl-opinjoni tiegħi il-livell fil-logħob għall-plejers Maltin fil-Malta Premier naqsu drastikament biex indaħħlu l-plejers barranin, li għalija ġieli l-barrani ma jkunx aħjar mill-Malti.

U x’qed jiġri, il-Malti jinżel jilgħab f’diviżjonijiet inferjuri, b’pagi għoljin u l-klabbs jerfgħu l-piż, ġieli iktar milli suppost. Il-plejers tal-Ewwel Diviżjoni jilagħbu fit-Tieni u t-Tielet Diviżjoni u l-plejer li jkun għadu tiela’ mill-Minors imur jilgħab SWAN, MAFA, IASC eċċ., u jien għalhekk minn dejjem ngħid li 

rridu naħdmu bis-serjetá fuq it-tfal u ndaħħlu mentalitá ta’ dixxiplina fl-isport u taħriġ professjonali ħalli ndaħħluhom meta jkollhom l-etá taghom mal-kbar u jkunu ppreparati mentalment u fiżikament. U hawn qed nitkellmu fuq sport mhux fuq ‘business’ fuq it-tfal, jekk irridu nimxu ‘l quddiem.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Fejn nitħarrġu aħna, huwa grawnd tal-futbol full-size kif għandu jkun, attrezzat b’kollox, peró fih sar ħafna xogħol ta’ manutenzjoni, li huwa importanti ħafna.

Peró, mhux se ngħid l-istess għal fejn isir il-logħob kompetittiv, fejn hemm nuqqasijiet u kellu bżonn jitranġaw. Dan kulħadd għandu l-ispejjeż tiegħu u nifhem lil kulħadd.

Niġbed l-attenzjoni fuq il-grawnds fejn isir il-logħob kompetittiv … għandna nibżgħu għall-grawnds li għandna u ma nagħmlux ħsara. Meta ssir il-ħsara ħadd mhu se jgawdi minnha żgur!

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-amministrazzjoni tal-futbol?

Il-futur tiegħi bħalissa huwa li nagħmel id-dover tiegħi ta’ president kif jixraq lill- klabb u nagħmel ħilti biex l-isem ta’ Dingli Swallows FC intellgħu ‘l fuq. Hawn ħafna xi jsir peró jekk kulħadd jaħdem id f’id mhux jien biss ikolli futur sabiħ imma l-komunitá Dinglija kollha.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Biex tagħmel karriera fil-futbol, il-futbol irid ikun fik. Trid tkun verament dedikat u temmen f’dak li qed tagħmel. Jekk dak li tkun qed tagħmel, tagħmlu mill-qalb u b’dedikazzjoni u li jkollok l-għajnuna ta’ sħabek li jkunu verament qrib tiegħek, tasal għal dak it-tragward mixtieq minn kulħadd. B’hekk tasal għas-suċċess tiegħek u anke għall-ħolm ta’ ħaddiehor, peró, dejjem bl-għaqda ta’ madwarek!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport