Maxine Formosa Gruppetta, ir-rebbieħa ta’ Miss Universe Malta 2022
Maxine Formosa Gruppetta hi r-rebbieħa tal-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Miss Universe Malta. Hi twieldet San Ġiljan, għandha 21 sena u taħdem bħala assistenta legali. Din mhux l-ewwel darba li Formosa Gruppetta pparteċipat f’dan il-konkors hekk kif is-sena li għaddiet spiċċat fit-tielet post bir-rebbieħa eventwali tkun Jade Cini.
Fil-fatt fi tmiem din il-ġimgħa, f’konferenza stampa li saret f’lukanda ewlenija f’San Ġiljan tħabbar li Formosa Gruppetta se tkun qed tirrappreżenta lil pajjiżna fil-71 edizzjoni f’Miss Universe 2022 li se ssir aktar tard din is-sena. Miss Universe Malta hi liċenzjata għand Alan J. Darmanin li jorganizza dan il-kuntest sabiex wara għażla bir-reqqa tiġi ddeterminata l-persuna li se tkun l-ambaxxatriċi għal pajjiżna.
Sadanittant, id-dati uffiċjali meta se jsir dan il-konkors internazzjonali għad iridu jitħabbru għalkemm s’issa huma konfermati mudelli mill-Ghana, il-Venezwela, il-Kolombja u l-Kazakhstan. Fil-ġimgħat li ġejjin se tkompli tiżdied il-lista ta’ tfajliet li se jieħdu sehem f’dan il-konkors fejn pajjiżi bħal Filippini, il-Kanada, il-Messiku, il-Ġermanja, iċ-Ċili, il-Malasja, in-Norveġja, il-Ġappun, l-Iżlanda, il-Portugall u oħrajn se jkunu qed jorganizzaw l-attività tagħhom sabiex minnhom joħorġu l-ambaxxatriċi rispettivi.
L-Orizzont ħa l-kummenti ta’ Maxine Formosa Gruppetta ftit minuti wara li ġiet inkurunata Miss Universe Malta 2022. Hi dehret ferm emozzjonata u bilkemm setgħet temmen dak li għaddiet minnu ftit tal-minuti qabel.
“Ninsab grata lejn l-organizzazzjoni ta’ Miss Universe Malta li tatni din l-opportunità unika li nirrappreżenta lil pajjiżi f’dan il-konkors ferm prestiġġjuż. Se nkun qed nagħmel minn kollox sabiex nagħmel lil Maltin kburin li għażlu lili sabiex nirrappreżentahom.
Mistoqsija dwar x’ħasset meta saret taf li kienet magħżula bħala Miss Universe Malta 2022, Formosa Gruppetta qalet li ma setgħetx temmen lil għajnejha b’dak li rat u fuq kollox kienet ferm sorpriża.
“Apparti li għadni s’issa qed nipprova nemmen li rbaħt, l-eċitament tiegħi beda dakinhar tal-konkors hekk kif kelli friefet kbar fl-istonku. Kont eċitata ħafna sa ma wasal il-mument għax għalija dan il-konkors kien xi ħaġa kbira ħafna. Fl-aħħar mill-aħħar hu importanti li jkollok xi ftit eċitament qabel għax b’hekk tkun ippreparata bis-sħiħ għal dak li ġej.”
Formosa Gruppetta faħħret l-organizzazzjoni ta’ Alan J.Darmanin u t-tim tiegħu li wettqu biċċa xogħol kbira. Hi fissret kemm dawn l-aħħar xhur ma kinux daqshekk faċli għall-organizzaturi minħabba l-pandemija tal-COVID-19 fejn ġew posposti diversi avvenimenti importanti iżda issa li kollox beda ġej għan-normali, kulħadd ħa nifs ‘il barra.
“Hu importanti li pageants bħal dawn isiru għax jagħtu opportunità lin-nisa u tfajliet sabiex juru t-talenti li għandhom. Bħall-organizzaturi, anke l-parteċipanti għaddew minn mumenti mhux daqstant sbieħ għax xi ħaġa li kienu jieħdu gost jagħmluha, waqfet ħesrem minħabba l-pandemija.”
Saqsejna lir-rebbieħa ta’ Miss Universe 2022 kif jirnexxielha tlaħħaq max-xogħol tagħha fil-qasam legali u l-karriera tagħha fl-immudellar.
“Hu importanti li tkun organizzata f’ħinek u anke fil-ġurnata tiegħek. Jien inqum kmieni filgħodu, immur il-gym sabiex inżomm ruħi fl-aqwa kundizzjoni fiżika possibbli, insib iċ-ċans nilgħab il-padel ukoll filwaqt li niddedika ħin konsiderevoli għal xogħli li jinvolvi ħafna konċentrazzjoni. Jien nemmen ħafna fil-bilanċ tal-affarijiet fil-ħajja. Ħafna żejjed u ħafna nieqes ħażin u għalhekk jekk ikollu bilanċ tajjeb tirnexxi żgur.”
Tkellimna magħha dwar kemm hu importanti li barra li tkun sabiħa minn barra, mudella jkollha wkoll personalità u karattru ġenwin u mill-aħjar. Hi tgħidilna li dawn huma kwalitajiet importanti fil-bniedem għax mhux biżżejjed li tkun sabiħa minn barra iżda anke minn ġewwa.
Iżda kif se tħossha Maxine Formosa Gruppetta ġaladarba tirrappreżenta lil Malta f’Miss Universe 2022?
“Ċertament li se nkun ferm eċċitata meta jasal dak il-mument fejn se nerġa’ nġib quddiem għajnejja dak li għaddejt minnu f’Malta. Madankollu dan hu konkors ferm ikbar u għalhekk irrid nagħti l-aqwa tiegħi possibbli sabiex inġib riżultat pożittiv. Għajnejn il-Maltin se jkunu fuqi dakinhar u għalhekk jien se nkun qed nirrappreżentahom bl-aqwa mod possibbli.”
Kif qed tara l-futur tagħha Maxime Formosa Gruppetta? Hi sostniet li fl-aħħar mill-aħħar mhux is-sbuħija hi l-iktar ħaġa essenzjali għax dik tgħaddi iżda kemm tkun b’saħħtek fiżikament u mentalment. Hi se tkun qed tagħmel dak kollu possibbli sabiex tibqa’ attiva u fejn tista’ anke tgħin lil min jeħtieġlu l-għajnuna.
Fl-aħħarnett ir-rebbieħa ta’ Miss Universe Malta 2022 xtaqet tgħaddi messaġġ lil dawk it-tfajliet u bniet li jixtiequ jaqbdu karriera fl-immudellar u li għalissa għadhom ma sabux il-kuraġġ sabiex jippruvaw.
“Ngħidilkom li din hi esperjenza verament sabiħa. L-immudellar tani ħafna sodisfazzjon u bih sirt naf ħafna nies li aktar tard saru anke ħbieb tiegħi.”
“Dejjem inħeġġeġ liż-żgħażagħ inġenerali mhux biss tfajliet iżda wkoll ġuvintur sabiex jieħdu din l-opportunità. Ngħidilhom biex joħolmu għax il-ħolm xi darba kapaċi jsir realta’. Kun int innifsek mhux persuna oħra. Kun naturali u tirnexxi!”.