Thursday, November 6, 2025

Irrid nagħti l-kontribut tiegħi lit-tim sabiex nilħqu l-għan tagħna li niksbu l-promozzjoni għas-Serie B – Nathan Cope

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futsal?

L-imħabba tiegħi lejn il-futsal bdiet minn età żgħira. Dan għaliex missieri lagħab il-futsal għal żmien twil ma’ ċkuniti, u kont dejjem immur miegħu għall-logħob u t-taħriġ. L-imħabba tiegħi lejn il-futsal kompliet tikber meta fetħet il-Malta Futsal School u bdejt nittrenja jien ukoll f’dan l-isport.

Fl-2019, meta kelli biss 15-il sena, kelli l-opportunità li nilgħab fil-Kampjonat Malti grazzi għall-klabb ta’ Luxol, u l-imħabba tiegħi lejn il-futsal kompliet tikber. Matul dak iż-żmien, u s-sena 2022, għalkemm kelli t-taħriġ tal-football kważi kuljum, dejjem bqajt nipprova nsib il-ħin biex nilgħab il-futsal mal-klabb ta’ Luxol.

Fl-istaġun 22/23 kelli nieqaf kompletament mill-futsal, għax ir-regoli tal-futbol ma kinux jippermettuli nilgħab iż-żewġ sports fl-istess ħin. Wara li għamilt żewġ staġuni nilgħab il-football fiċ-Challenge League, dan l-istaġun iddeċidejt li nieqaf kompletament mill-football u nerġa’ nibda nilgħab il-futsal. Erġajt ingħaqadt mal-klabb ta’ Luxol u kelli staġun tajjeb ħafna, mimli opportunitajiet sbieħ kemm mal-klabb kif ukoll mat-tim nazzjonali Malti. B’hekk, l-imħabba tiegħi lejn l-isport kompliet tikber.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif sejjer sa issa fl-esperjenza tiegħek ma’ klabb f’Ruma fis-Serie C fl-Italja?

S’issa kienet esperjenza sabiħa u pożittiva ħafna għalija. Bħalissa t-tim qiegħed f’forma tajba ħafna, wara li tlifna l-ewwel logħba tal-kampjonat, issa għaddejjin minn disa’ logħbiet bla telfa, fejn erbaħna ħamsa u draw waħda fil-kampjonat, u bħalissa ninsabu fit-tielet post.

Barra minn hekk, fit-Tazza rbaħna żewġ logħbiet fl-ewwel rawnd, u ġejna draw fl-ewwel leg tat-tieni rawnd barra minn darna. Issa ninsabu pożittivi li nistgħu nirbħu t-tieni leg f’darna biex ngħaddu għar-rawnd li jmiss. Fuq nota personali, fil-bidu ta’ din l-esperjenza ma sibthiex faċli ħafna, għax ovvjament kelli nadatta għal tim u sistema ġdida, kif ukoll għal pajjiż u lingwa ġdida. Iżda bil-mod il-mod, bl-għajnuna tan-nies ta’ madwari, il-kowċis u sħabi fit-tim, qed nadatta tajjeb.

Ma’ kull logħba li tgħaddi, il-kowċ qed jagħtini aktar minuti fil-pitch u qed nagħti l-kontribut tiegħi lit-tim, fejn saħansitra rnexxieli niskorja l-ewwel gowl tiegħi fil-kampjonat fi draw ta’ 3-3 barra minn darna li kien mument sabiħ ħafna għalija. Apparti li qed nilgħab mat-tim tal-kbar, jien ukoll parti mit-tim ta’ taħt il-21 sena tal-klabb, fejn meta jkun possibbli nilgħab fil-kampjonat reġjonali magħhom ukoll. Din hija xahaga tajba ħafna għalija għax qed inkun espost għal ħafna logħob kompetittiv, kemm mat-tim tal-kbar kif ukoll mat-tim tal-U21, fejn s’issa rnexxieli nsib ix-xibka f’kull partita li lgħabt.

Ninsab motivat ħafna biex inkompli f’din l-esperjenza, biex inkompli nitgħallem u nikber kemm ġewwa kif ukoll barra l-court, u biex nagħti l-kontribut tiegħi lit-tim sabiex nilħqu l-għan tagħna li niksbu l-promozzjoni għas-Serie B.

Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek sa issa mat-tim nazzjonali Malti tal-futsal.

Matul l-aħħar staġun kont ixxurtjat li kont involut f’ħames logħbiet mat-tim nazzjonali Malti fil-Main Round tal-Euro, kontra tliet timijiet b’saħħithom ħafna fil-logħba tal-futsal: l-Italja, il-Finlandja u l-Belarus.

Din kienet esperjenza prezzjuża u sabiħa ħafna għalija, għax meta tilgħab kontra dan it-tip ta’ players u timijiet li huma fost l-aqwa, żgur se tikber u titgħallem ħafna. Għalkemm ma rnexxilniex niksbu punti f’dan il-grupp diffiċli ħafna, ksibna esperjenza li żgur se tgħinna fil-futur.

Kif tqis il-livell tal-futsal f’pajjiżna fil-preżent?

Fl-opinjoni tiegħi, il-livell tal-futsal f’pajjiżna għola bil-preżenza ta’ barranin li ġew jilagħbu hawn. Meta tkun qed tittrenja u tilgħab ma’ plejers barranin ta’ livell għoli, se titgħallem u tgħolli l-livell tiegħek ukoll.

Minkejja dan, hemm bżonn aktar investiment u li jingħata aktar importanza lil dan l-isport sabiħ, sabiex ikollna aktar timijiet fil-kampjonat u sabiex dan isir iktar kompetittiv f’pajjiżna.

Inħeġġeġ aktar żgħażagħ biex jibdew jilagħbu dan l-isport, u dawk li diġà jilagħbuh biex ma jaqtgħux qalbhom u jkomplu fil-futsal, għax hawn ħafna opportunitajiet sbieħ.

Kif qed tħares lejn il-futur aktar imbiegħed tiegħek fil-futsal?

Qed inħares lejn il-futur tiegħi fil-futsal b’ottimiżmu kbir. Nixtieq li jkolli karriera twila u sabiħa f’dan l-isport, fejn nikseb suċċessi kemm f’pajjiżna kif ukoll barra, u nkompli nilgħab mat-tim nazzjonali biex inkomplu nibnu fuq il-passat.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futsal.

Kif diġà għidt, f’dan l-isport tant sabiħ hemm ħafna opportunitajiet. Jista’ jkollok karriera sabiħa u ta’ suċċess kemm f’pajjiżna kif ukoll barra minn xtutna. Għalhekk, inħeġġeġ aktar żgħażagħ sabiex jagħżlu dan l-isport!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport