Wednesday, December 25, 2024

“Irrid nara li t-tfal jingħataw aktar vuċi u jkollhom id-drittijiet tagħhom salvagwardjati”

Aqra wkoll

Tgħid dan il-Kummissarju tat-Tfal Antoinette Vassallo

Fil-jiem li għaddew, il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon ħatar lil Antoinette Vassallo bħala Kummissarju l-ġdid għat-Tfal. Dan kollu seħħ wara li l-predeċessura tagħha Pauline Miceli spiċċalha t-terminu tagħha f’din il-kariga. 

I​​​​​​​​​​​​​​​​​​​​​​​​l-Ministru għas-Solidarjetà​ u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Dr Michael Falzon spjega kif il-Gvern investa bis-sħiħ sabiex jipproteġi lit-tfal u faħħar din il-ħatra li ġiet approvata miż-żewġ naħat tal-kamra. 

“Nieħu pjaċir nirrimarka li meta telgħet il-ħatra ta’ Sinjura Vassallo quddiem il-Kumitat Parlamentari ġiet approvata b’mod unanimu. Dak juri wkoll ċertu qbil fejn jidħlu l-ħarsien tat-tfal miż-żewġ naħat u l-Gvern kollu kemm hu. Li nagħtu vuċi lit-tfal hija xi ħaġa li nemmnu fiha, dawn l-aħħar erba’ snin għamilna ħafna fejn ħarisna lit-tfal u tajnihom aktar drittijiet, iżda bla dubju baqa’ aktar dejjem x’tagħmel.”

Antoinette Vassallo twieldet fl-1957, hija miżżewġa lil Adrian Vassallo, u kellhom ħamest itfal iżda llum għandhom erbgħa ghax tilfu wild minnhom ta’ sena u xahrejn. Dalwaqt tagħlaq 65 sena, hi mir-Rabat. Hi tgħix f’Ta’ Xbiex fejn anke tat kontribut siewi għall-iżvilupp ta’ dan il-villaġġ. 

Vassallo hija gradwata bħala infermiera u ħadmet qatigħ f’dan ix-xogħol sal-1985. Hi kellha wkoll karigi oħra prestiġjużi fosthom serviet bħala Sindku f’Ta’ Xbiex għal 14-il sena, sas-sena 2013.

Eventwalment, Vassallo nħatret bħala Direttriċi tal-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni bejn April tal-2008 u Frar tal-2013. Serviet ukoll bħala Chairperson tal-Awtorità tad-Djar minn April tal-2013 sa Settembru tal-2017. Serviet fil-Bord tal-Malta Industrial Parks minn Ottubru tal-2017 sa Ottubru tal-2019.

Il-kummissarju l-ġdid tat-tfal serviet ukoll bħala Viċi Chairperson taċ-Children And Young Persons Advisory Board (CYPAB), fejn aktar tard inħatret bħala Chairperson tal-Bord sa Ġunju tal-2020. Kif tgħid hi stess, Antoinette Vassallo għandha għal qalbha t-tfal u għal ħafna din il-kariga verament tixirqilha.

Vassallo hija wkoll membru tal-Bord tal-Kumitat tal-Faċilità San Vinċenz de Paule. Dan filwaqt li kienet membru fil-Kumitat Tisħiħ tal-Familja (KTF).

Talk.mt tkelmet ma’ Vassallo fejn magħna fissret l-għanijiet u l-viżjoni tagħha bħala l-kummissarju l-ġdid għat-tfal. Saqsejniha mal-ewwel jekk kinitx qed tistennieha li tiġi fdata b’dan ir-rwol tant importanti.

“Ngħidlek il-verità qatt ma ħlomt li kelli nsir Kummissarju għat-Tfal. Meta l-Ministru bagħat għalija fl-uffiċċju tiegħu kont ferm sorpriża. Minn hawn nixtieq nirringrazzja lill-kummissarju ta’ qabli, is-sinjura Pauline Miceli li waslet biex tirtira. Hi għamlet xogħol siewi kemm damet f’din il-kariga. Żgur li dak li għamlet hi għandu legat partikolari u kburija li se nkompli fejn ħalliet hi.”

“Biex inkun qed ngħidlek kollox, kont xi ftit inkwetata li ma kontx se nissodisfa l-kriterji ta’ dan ir-rwol iżda bil-mod il-mod indunajt li min tani din il-kariga kellu fiduċja fija. Mill-banda l-oħra anke l-familja tiegħi tawni l-kuraġġ kollu meħtieġ u għalhekk aċċettajt umilment din il-kariga.”

Vassallo qalet li l-ewwel ħaġa li trid taħdem fuqha hi li tissalvagwardja d-drittijiet tat-tfal u fuq kollox li ttihom vuċi. Hi tgħid li meta kienet fil-Bord tat-Tfal – iċ-Children and Young Persons Advisory board tgħallmet ħafna l-aktar meta kienet tisma’ l-ħsibijiet tagħhom fuq il-problemi u s-sitwazzjonijiet li kienu jinsabu fihom. Fuq kollox, mhux l-ewwel darba li semgħet ukoll il-weġgħat li jkunu qed iħossu, xi affarijiet li jkunu qed jinkwetawhom u mitt elf ħaġ’oħra. Madankollu hi saħqet li t-tfal għalkemm ikunu għadhom żgħar, kapaċi jwasslu ħsibijiet profondi u bħala adulti rridu nieħdu nota tagħhom. Minkejja dak kollu li jiġri, it-tfal iweġġgħu f’ċertu mument, allura hi temmen li għandna nisimgħuhom.

Hawn il-kliem waqa’ fuq l-imġiba ta’ ċerti tfal u fuq kollox kif ċertu rispett lejn l-awtorità bħal donnu naqas. X’taħseb Antoinette Vassallo dwar dan il-fatt?

“Irridu nirrikonoxxu li l-ħajja nbidlet. Il-familja qed tgħaddi minn ħafna provi diffiċli llum il-ġurnata. Madankollu b’xorti tajba, il-bażi tal-familja Maltija għadha hemm u huwa hawn fejn it-tfal jieħdu l-formazzjoni veru tagħhom.”

Is-Sinjura Vassallo appellat għal sens ta’ ġustizzja mat-tfal f’realtajiet fejn hemm tilwim bejn il-ġenituri u saħqet li t-tfal għandhom dritt jiltaqgħu ma’ kull ġenitur.

“Naturalment it-tfal irridu nagħtuhom id-dinjità tagħhom, irridu nagħtuhom id-drittijiet tagħhom u anke sens ta’ ugwaljanza u l-affarijiet kollha li jeħtieġu fil-ħajja tagħhom bħala tfal.”

“B’xorti ħażina, il-mezzi soċjali mhux dejjem qed jgħinu f’dan ir-rigward minħabba li ġieli jippreżentaw idea żbaljata tal-ħajja. B’hekk il-ġenituri jridu jkunu viġilanti fuq uliedhom filwaqt li jgħallmuhom jużaw it-teknoloġija bl-aqwa mod possibbli.”

“Jien għandi n-neputija tiegħi li tħobb toqgħod quddiem il-kompjuter jew tablet iżda jien ngħallimha li kollox f’ħinu u f’waqtu. Nemmen għalhekk li t-tfal trid tgħallimhom bil-paċenzja, tkellimhom bil-ħlewwa filwaqt li żżomm dik id-dixxiplina li aktar tard se sservihom.”

Vassallo qalet li verament żdiedu l-isfidi fil-ħajja tal-lum u għalhekk irridu nitgħallmu ngħixu l-ħajja b’mod sempliċi mingħajr ħafna pressjonijiet żejda.

Saqsejnieha dwar il-fatt li fl-aħħar kampanja elettorali ntużaw xi ritratti tat-tfal bħala propaganda politika u anke biex jiġbdu s-simpatija. Kemm taqbel ma’ dan il-fatt Antoinette Vassallo?

“Nista’ ngħid li l-kummissjoni fil-passat diġà għamlet manifesti fuq ċerti linji-gwida biex jissalvgwardjaw lit-tfal u dawn ġew ippreżentati liż-żewġ partiti. Jien ma naqbilx li għandek tuża t-tfal sabiex toħloq xi billboards. Nemmen li nistgħu ngħaddu mingħajrhom.”

Fl-aħħarnett tlabna lill-kummissarju għat-tfal sabiex tgħaddi l-aħħar messaġġ speċjalment dwar il-valur tal-ħajja li xi kultant ma tantx napprezzawh biżżejjed.

“Jien ngħid li hu importanti li napprezzaw il-ħajja għax xi kultant mitlufin f’ħafna tentufiet u għalhekk forsi ma tantx nifhmu kemm l-affarijiet sempliċi huma l-aktar importanti. Xi drabi qed nikkumplikaw il-ħajja tagħna u naħseb li qed nitilfu ċerti affarijiet li fuq kollox huma prezzjużi.”

“Barra minn hekk f’kull età l-ħajja tolqtok b’mod differenti. F’kull fażi tal-ħajja, int tħares dejjem b’lenti differenti. Jien dejjem ngħid lin-nies li hu importanti li taħseb pożittiv għax tgħinek sabiex tgħix ħajja serena u trankwilla.”

“Fl-istess waqt qatt m’għandek taqta’ qalbek minn xi ostaklu li jfeġġ, anzi tipprova tissielet mal-ħajja sabiex tkompli għaddej. Finalment il-messaġġ aħħari tiegħi hu li tieħu kollox pass pass għax b’hekk jirnexxielek tibqa’ għaddejja mingħajr ma taħseb f’ħafna affarijiet oħra.”

Ekonomija

Sport