L-artist Joseph Cauchi, mhux isem ġdid għall-gżira Għawdxija u issa wkoll għal Malta.

Cauchi hu magħruf sew għax-xenarji li jagħmel fl-Opra li tittella’ fit-Teatru Astra u fil-passat kien magħruf ukoll għall-karrijiet trijonfali li kien jagħmel waqt il-Karnival ta’ Għawdex. Apparti dan, Cauchi hu magħruf sew mad-dilettanti tal-festi f’pajjiżna minħabba l-pittura ta’ diversi bandalori li għamel u anke disinni ta’ pavaljuni kemm tad-dawl u anke tad-drapp.
Iżda llum il-ġurnata, l-artist sar isem magħruf ukoll mat-tiżjin tal-Milied.
Tista’ tgħid li t-tiżjin kollu li qiegħed jintrama f’Għawdex ħareġ mill-kreattività ta’ Cauchi.

Dan il-ġurnal tkellem ma’ Joseph Cauchi hekk kif sena wara oħra t-tiżjin f’Għawdex għal żmien il-Milied qiegħed dejjem jiżdied.
Juri sodisfazzjoni kbir li Għawdex illum hu armat kollu kemm hu, iżda fi kliemu stess jgħidilna li “nixtieq li sa seba’ snin oħra Għawdex kollu jkun villaġġ tal-Milied.”
Kif bdiet il-ħidma tat-tiżjin tal-Milied f’Għawdex
Cauchi jgħidilna li llum il-ġurnata hu flimkien mal-ħaddiema li jieħu ħsieb mhux biss żejnu lil Għawdex, iżda issa anke partijiet sew minn Malta.

Fil-fatt, id-dawl ta’ Triq ir-Repubblika fil-Belt Valletta sar fuq disinn ta’ Cauchi.
“L-idea li jibda jsir it-tiżjin madwar Għawdex kollu kienet meta twaqqaf kumitat bl-isem ta’ Events Gozo, u riedu lil xi ħadd jagħmel id-disinni. Dakinhar jien kont għadni naħdmu ċ-Ċittadella. Kont nagħmel id-disinni niġi hawn (fil-garaxx tal-Gvern fejn saret l-intervista) ngħidlhom xi rrid u bdejn bil-mod il-mod narmaw lil Għawdex,” jgħidilna l-artist.
Jirrakkonta li għall-bidu “konna ninvolvu persuni b’diżabbilità bħal dawk ta’ Santa Marta u bdew jagħmlu xi affarijiet huma… Ix-xogħol beda jintgħoġob u beda jżid ħafna,” kompla jgħidilna Joseph Cauchi waqt li grupp ta’ ħaddiema kienu qegħdin ilestu l-aħħar affarijiet fit-tiżjin tal-Milied.
F’dawn il-ħaddiema nistgħu ngħidu li tara dedikazzjoni kbira. Fi kliem Cauchi stess “dawn il-ħaddiema jagħmlu l-mirakli. Niddejjaq meta persuni jitkellmu b’mod negattiv dwar il-ħaddiema tal-Gvern bħal pereżempju li ma jagħmlu xejn… żgur li mhux għal dan it-tim ta’ ħaddiema li għandi hawn”.
Cauchi jgħidilna li fl-2020 kienet kellmitu l-eks Ministru Justyne Caruana u talbitu biex ikun hu stess li mill-post tax-xogħol tiegħu fuq iċ-Ċittadella jibda jirrapportaw għax-xogħol fil-garaxx tal-Gvern u jmexxi grupp ta’ ħaddiema li verament huma kollha artisti.

Waqt li konna fil-garaxx tal-Gvern nitkellmu ma’ Cauchi stajna naraw organizzazzjoni kbira… kollox f’post u kulħadd jaf x’inhu jagħmel. Kien hemm ħaddiema jaħdmu bħal mastrudaxxi, kien hemm oħrajn li kienu qegħdin ilestu l-aħħar armar biex jinħareġ fit-toroq u oħrajn jiżbgħu armar tal-Milied.
Jgħid li ħafna għaqdiet u Kunsilli Lokali kemm f’Malta u anke f’Għawdex qegħdin jagħmlu talbiet lill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar biex it-tiżjin tagħhom isir kollu mill-ħaddiema tal-Gvern f’Għawdex.
Taħt il-Ministru Clint Camilleri, Cauchi jgħid li l-investiment kompla jikber u aktar għaqdiet qegħdin jingħataw l-għajnuna.
It-tiżjin tal-Milied isir kollu bi ħsieb u marbut mal-post fejn ikun se jintrama
L-artist jgħidina li kull ordni li tidħol “naraw li mhux biss nagħmlu tiżjin, iżda dan it-tiżjin irid ikun marbut mal-lokalità.
“Eżempju kellna ordni mill-Kunsill Lokali tal-Munxar. Morna l-Munxar, naf li din il-lokalità hija marbuta ma’ San Pawl. Allura ħsibna għaliex fit-tiżjin ma ndaħħlux lil dan il-qaddis? U fil-fatt hekk għamilna. Dak li ħloqna fil-Munxar hu San Pawl li ġab il-fidi f’pajjiżna qiegħed juri lil Ġesù tarbija, u n-naħa l-oħra għamilna żewġ anġli. Mela dan hu eżempju ta’ lokalità waħda.
Bħal Kapuċċini daħħalna lil San Franġisk li għamel l-ewwel presepju u f’Santa Luċija għamilna presepju fin-nofs, b’Santa Luċija li l-festa tagħha ssir ftit qabel il-Milied – Santa Luċija hija ‘dawl’ u n-naħa l-oħra għamilna lil Santa Katerina li fil-festa tagħha tinżera ż-żagħra għal mal-Bambin,” ikompli jispjega Joseph Cauchi filwaqt li jagħti aktar eżempji minn dawn.
Il-Milied u festi oħrajn f’Għawdex
Għal Joseph Cauchi, it-tiżjin tal-Milied sar parti mill-kalendarju hekk kif għal kull okkażjoni jintrama tiżjin differenti.
“Issa wara li jgħaddi l-Milied mill-ewwel niġbru kollha u naraw li kollox ikun miżmum b’mod tajjeb. Iżda b’mod immedjat imbagħad nibdew noħorġu t-tiżjin ta’ San Valentinu u l-istess isir tiżjin fil-Villa Rundle u anke fir-roundsabouts. Imbagħad eżatt wara narmaw għall-Għid il-Kbir.

“Kien qed tara hawn ix-xogħol ma jieqaf qatt. Nista’ ngħidlek li diġà beda x-xogħol fuq it-tiżjin tal-Milied li se jintrama s-sena d-dieħla,” ikompli jgħidilna Cauchi.
Li nistgħu ngħidu li kull fejn ikun hemm l-artist Cauchi se tkun qiegħed tara l-kuluri… se tkun qiegħed tara kreattività u hekk sar Għawdex kemm fil-Milied u anke waqt festi oħrajn.
Illum Għawdex grazzi għall-investiment li sar mill-Ministeru, il-gżira saret verament Villaġġ tal-Milied, iżda Cauchi jgħidlna “li baqa’ ħafna xi jsir”.

